15 ta' Ġunju, 2012
19:38 CET |
In-NATO issieħbet mas-sejħiet internazzjonali biex il-Libja teħles delegati tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) li qed jinżammu f'Zintan fuq allegazzjonijiet li dawn 'għaddew dokumenti minn taħt' lil Saif al-Islam Gaddafi, l-eks Mexxej eredi tal-Libja taħt ir-reġim ta' missieru, Muammar.
Id-delegazzjoni tal-ICC immexxija mill-avukata Awstraljana Melinda Taylor u t-traduttriċi (mwielda l-Libanu) Helene Assaf ilhom miżmuma għal ġimgħa – l-istess bħal żewġ kollegi rġiel – u wara li żaru lil Saif fl-inħawi ta' Zintan, lejn il-Lbiċ ta' Tripli.
Il-qawwiet tan-NATO s-sena l-oħra mexxew offensiva tal-ajru fuq militar tal-eks reġim Libjan u s-Segretarju Ġenerali tal-Alleanza, Anders Fogh Rasmussen, qed jawgura li d-delegati tal-ICC jinħelsu mill-aktar fis. F'kummenti li għamel fl-Awstralja Rasmussen esprima niket talli gruppi fil-Libja waslu biex iżommu lil rappreżentanti tal-Qorti Internazzjonali.
Diversi entitajiet favur id-drittijiet umani, l-ICC (li hi bażata f'The Hague) u l-Gvern tal-Awstralja kollha insistew biex jinħelsu d-delegati iżda l-elementi li qed iżommuhom ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Gvern ċentrali fi Tripli u fil-fatt jridu li dawn jibqgħu arrestati għal tal-anqas 45 jum waqt li jkunu investigati dwar allegazzjonijiet li għaddew 'ittri projbiti' lil Saif (al-Islam).
|