Neil CAMILLERI
25 ta' Mejju, 2012
21:25 CET |
Il-Gvern qed jgħin fit-twettieq ta' tliet proġetti separati li qed isiru b'fondi tal-Unjoni Ewropea u jinvolvu investiment fil-ħiliet ta' tfajliet Għawdxin u installazzjoni ta' sistemi ta' enerġija alternattiva. Dar Gużeppa Debono qed tagħmel il-proġett 'Ilwien' li bih tgħin lil tfajliet bi problemi fl-imġieba jew li huma 'single mothers' u tħarriġhom għal karriera imprenditorjali. L-Għaqda Mużikali San Ġuzepp ta' Għajnsielem u l-Kurja t'Għawdex qegħdin jinstallaw pannelli fotovoltajċi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija.
Waqt żjarat li għamel lit-tliet entitajiet, il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern qed jgħinhom permezz tal-fond ta' Ko-finanzjament għall-NGO's imħaddem mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja. Dan ifisser li l-UE tħallas parti sostanżjali tal-proġett, waqt li l-Gvern jgħin lill-entita` biex tħallas il-parti tagħha. Permezz ta' dan il-fond, il-Gvern diga' għadda 260 elf ewro biex jgħin 11-il proġett minn NGO's Ghawdxin, li bejniethom assorbew kważi żewg mijun u seba' mitt elf ewro minn fondi Ewropej.
|