8 ta' Mejju, 2012
20:54 CET |
“L-Ewropa fuq ir-Roti” huwa l-isem ta' inizjattiva li tgħin sabiex titwassal aktar informazzjoni dwar l-investiment li qiegħed isir bil-fondi Ewropej fil-gżejjer Maltin.
F'din l-inizjattiva tal-MEUSAC u d-Dipartiment tal-Informazzjoni, qed jiġu organizzati diversi żjarat bil-coaches fi proġetti li huma kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Proġetti li permezz tagħhom qed ikompli jinħoloq ix-xogħol u jitkattar l-investiment fil-pajjiż.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew tal-Avjazzjoni f'Ta' Qali, il-Ministru responsabbli mill-Konsultazzjoni Pubblika Chris Said spjega kif pajjiżna qed jagħmel suċċess mis-sħubija fl-Ewropa – u fakkar kif is-sena l-oħra l-UE stess ċċertifikat l-għaqal u t-trasparenza li bihom Malta użat il-fondi kollha, tmenin miljun ewro, li kellha għad-disposizzjoni tagħha fl-ewwel tliet snin tas-sħubija. Bejn l-2007 sal-2013 Malta rnexxielha ġġib biljun ewro oħra f'fondi.
Preżenti għall-konferenza stampa ta' Chris Said kien hemm grupp ta' anzjani li grazzi għal din l-inizjattiva żaru l-Mużew tal-Avjazzjoni sabiex ikunu jistgħu jaraw ix-xogħol li sar f'dan il-post li hu wieħed minn dawk li gawdew mill-fondi Ewropej.
Matul l-istess jum dan il-grupp ta' anzjani żar wkoll fabbrika taċ-ċeramika li wkoll investiet grazzi għall-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Waqt id-diskors tiegħu il-Ministru Said tkellem dwar ir-rwol tal-MEUSAC, li qed jgħin lilll-Kunsilli Lokali u l-NGOs jiksbu finanzjament mill-UE.
Fl-aħħar tliet snin u nofs jirriżulta li l-MEUSAC għen diversi entitajiet, Kunsilli Lokali u NGOs jiksbu madwar 16-il miljun Ewro u nofs għal 109 proġetti jew inizjattivi differenti.
S'issa l-inizjattiva l-Ewropa fuq ir-Roti kienet suċċess u kienu mijiet dawk li għamlu użu minnha u hemm interess sostanzjali għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Preżenti f'Ta' Qali kien hemm ukoll il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb.
|