12 t' Awwissu, 2012
10:45 CET |
F'Malta – fejn l-istudenti nagħtuhom l-istipendju, kellna żieda qawwija fl-applikazzjonijiet għad-dhul fl-istituzzjonijiet terzjarji għas-sena akkademika li jmiss.
F'pajjiżi oħra Ewropej, fejn għall-kuntrarju l-istudenti qed ikollhom iħallsu għall-edukazzjoni tagħhom, kien reġistrat tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta' studenti ġodda li applikaw biex jidħlu fl-Universitajiet minn Ottubru li ġej.
Dan il-paragun ħareġ ċar din il-ġimgħa hekk kif f'Malta, imma anke f'għadd ta' pajjiżi oħra tal-UE, b'mod partikolari fir-Renju Unit tħabbru l-ammonti ta' studenti li applikaw biex jidħlu l-Universita' fis-sena akkademika li jmiss. Dan hekk kif għalqu l-applikazzjonijiet għas-sena akkademika l-ġdida.
U proprju fl-istess ġurnata, nhar il-Ħamis, minn stqarrijiet separati ħareġ kif waqt li f'Malta applikaw aktar minn 1,000 student iżjed mis-sena li għaddiet biex ikomplu jistudjaw, f'pajjiżi oħrajn, bħal per eżempju fir-Renju Unit, kien hemm tnaqqis drastiku – proprju għax iddaħħlu ħlasijiet fuq l-edukazzjoni jew żdiedu l-prezzijiet tal-miżati tal-korsijiet.
Stqarrija tal-Gvern f'Malta tlett ijiem ilu qalet li hekk kif għalqu l-applikazzjonijiet għad-dħul fl-Universita' u l-ewwel sejħa għad-dħul fl-MCAST diġa' hemm mal-1000 student aktar mis-sena li għaddiet li jridu jkomplu jistudjaw fil-livell post-sekondarju u terzjarju. U dan meta għad iridu jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-Junior College, dawk għall-iskejjel tal-Higher Secondary u għad ukoll trid toħroġ it-tieni sejħa għall-MCAST u l-ITS.
L-applikazzjonijiet għad-dħul fl-Universita' żdiedu b'aktar minn 18% waqt li dawk għall-MCAST żdiedu b'9% waqt li dawk għall-ITS kienu fl-istess ilma tas-sena l-oħra. L-Universita' ta' Malta rċeviet 3,160 applikazzjonijiet minn studenti li jridu jagħmlu l-ewwel degree – 320 aktar mis-sena l-oħra. U 1228 applikazzjoni għal Masters jew korsijiet li diġa' kisbu l-ewwel grad – li jfisser 470 aktar mis-sena li għaddiet.
Dan ifisser li t-82% tal-istudenti li s-sena l-oħra kien qed ikomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja, se jkomplu jiżdiedu.
B'kuntrast, propju fl-istess ġurnata – nhar il-Ħamis, fir-Renju Unit, il-Ministru Ingliż tal-Universitajiet David Willetts ammetta li l-ammont ta' żgħażagħ li applikaw għal kors li jwassal għal degree, naqas, minn meta ddaħħlu l-miżati għal dawn l-istudenti. Tnaqqis ta' kważi 9% jew 37 elf applikazzjoni meta mqabbel ma' sentejn ilu. Dan għax l-istudenti Ingliżi qed ikollhom jissellfu mill-banek biex ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom.
Fil-fatt studju fl-Ingilterra sab li wieħed minn kull għoxrin student qed jiddeċiedu li ma jkomplux jistudjaw minħabba li żdidulhom l-ispejjeż annwali – żieda li f'ċerti korsijiet saħanistra titla' sa disat elef lira sterlina fis-sena.
|