Braden SAMMUT
9 ta' Mejju, 2012
18:59 CET |
Al-Qaeda
Iktar żviluppi dwar il-każ tal-pjan ta' attakk suwiċida fuq ajruplan dirett lejn l-Istati Uniti li ġie mwaqqaf. Skont rapporti, ir-raġel li tqabbad mit-terroristi biex iwettaq l-attakk kien filfatt aġent sigriet tal-Għarabja Sawdita li rnexxielu jinfiltra l-fergħa tal-Al-Qaeda fil-Jemen. L-aġent kixef kollox u wassal il-bomba lis-CIA Amerikana.
Libja
Numru ta' militanti Libjani attakkaw l-uffiċċju tal-Prim Ministru Abdurrahim El-Keib f'attakk li ħalla membru tas-sigurta` mejjet. Dan seħħ waqt protesta dwar il-pagi dovuti lill-ġellieda li ġġieldu kontra r-reġim ta' Ghaddafi, u xahar qabel elezzjoni ġenerali.
Intant, fil-belt ta' Zawiya fil-Libja, għall-ewwel darba, militanti leali lejn l-eks dittatur Muammar Ghaddafi tressqu quddiem Qorti Ċivili. L-akkużati, li qed jiġu mixlija li ppruvaw jiddistabilizzaw il-pajjiż, kienu rapprezentati minn avukat.
Sirja
L-eks Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Kofi Annan qal li d-dinja trid tgħin biex is-Sirja ma tidħolx fi gwerra ċivili. Hu qal ukoll li l-vjolenza fis-Sirja għadha f'livell inaċċettabbli.
Russja
Kif kien mistenni, il-Parlament Russu approva lil Dmitry Medvedev bħala Prim Ministru wara li għal dawn l-aħħar snin serva bħala President. Dan wara li Vladimir Putin, li kien Prim Ministru inħatar President, biex effettivament, it-tnejn ħadu post xulxin.
Greċja
Fil-Greċja, il-kandidat għal Prim Ministru, l-estremista tax-xellug Alexis Tsipras, se jwassal biex il-Greċja titkeċċa mill-ewro bil-pjan tiegħu li l-bailout li l-Greċja qed tingħata mill-UE u l-IMF jiġi rifjutat. Din it-twissija għamilha Antonis Samaras, il-mexxej tal-Partit li ġab l-iktar voti fl-elezzjoni tal-Ħadd, iżda li ma rnexxielux jgħaqqad Gvern. Għalhekk tqabbad Tsipras ċans remot ukoll ta' suċċess.
Ir-Renju Unit
F'ċerimonja mill-iktar impressjonanti u kulurita, ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni ndirizzat lill-membri Parlamentari fil-Ftuħ Statali tal-Parlament. Ir-reġina twasslet f'Westminster f'karozzella akkumpanjata minn zewġha il-Prinċep Philip. Ir-Reġina kienet libsa l-Kuruna Imperjali u f'diskors li għamlet elenkat l-aġenda tal-Gvern għas-sena li ġejja.
Russia Parade
Fir-Russja saret ċerimonja impressjonanti permezz ta' parata tad-disa' ta' Mejju - il-jum li jfakkar it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Eluf ta' suldati, kif ukoll tankijiet u missili għaddew mill-Pjazza l-Ħamra quddiem il-President ġdid Vladimir Putin u mijiet ta' veterani tal-gwerra.
|