DUN ĠORĠ
PRECA

IL-KANONIZZAZZJONI TA' L-EWWEL QADDIS MALTI
Suppliment Speċjali ta' MaltaRightNow.com


<< Lura

Il-Beatu Ġorġ Preca

Saċerdot Djoċesan, Fundatur tas-Societas Doctrinae Christianae, M.U.S.E.U.M.
(Valletta, Malta, 12 ta' Frar 1880 - Sta. Venera, Malta, 26 ta' Lulju 1962)


Il-Beatu Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta, nhar it-12 ta' Frar 1880 minn Vincenzo u Natalina nee' Ceravolo. Tgħammed nhar is-17 ta' Frar fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta' Porto Salvo, il-Belt Valletta. Fl-1888 il-familja Preca marret toqgħod il-Ħamrun. Kien fil-Knisja Parrokkjali ta' San Gejtanu li Ġorġ għamel l-Ewwel Tqarbina u rċieva l-Griżma ta' l-Isqof. Darba, meta kellu madwar 17-il sena, iltaqa' ma' wieħed mill-għalliema tiegħu tal-Liċeo, Dun Ercole Mompalao, ħdejn il-Mall tal-Furjana. Dun Ercole għamillu din il-profezija: "Preca, int għad tikber u nies li jirrispetaw lil Alla jidħlu fil-familjarita' miegħek u inti magħhom. Int għad issib xortik permezz tagħhom u huma għad isibu xortihom permezz tiegħek". Wara l-istudji tiegħu fil-Liċeo, beda jattendi s-Seminarju biex jistudja t-teoloġija bil-ħsieb li jsir Saċerdot.

Fit-8 ta' April 1905 miet Dun Alwiġ Galea, li għal ħafna snin kien il-konfessur ta' Ġorġ. Preca kien jirrakonta li ftit wara mewtu Dun Alwiġ deherlu u qallu: "Lilek Alla għażlek biex tgħallimlu l-poplu tiegħu". Il-Kjeriku Ġorġ Preca kiteb abbozz ta' regola bil-Latin biex jibgħatha lill-Papa Piju X għall-approvazzjoni. Kellu l-ħsieb li fil-Parroċċi kollha jkun hemm djar b'seba' rġiel ordnati Djakni, mgħejjunin minn awżiljari lajċi, li xogħlhom kellu jkun li jgħallmu lit-tfal u l-kbar. Kien proprju bejn l-1905 u l-1906 li Ġorg Preca ltaqa' ma' grupp ta' żgħażagħ il-Ħamrun u ħajjarhom jattendu għal xi laqgħat ta' tagħlim. Għażel wieħed minnhom, Eugenio Borg, u beda jispjegalu l-Iskrittura (aktar tard dan Eugenio sar l-ewwel Superjur Generali tas-Societas Doctrinae Christinae u miet b'fama ta' Qdusija).

Ftit qabel l-Ordinazzjoni Saċerdotali, Dun Ġorġ kien kważi se jmut b'marda li ħakmitu. It-Tabib qata' qalbu minnu, iżda għalkemm tilef l-użu ta' pulmun, Ġorġ irkupra bl-interċessjoni qawwija ta' San Ġużepp. Dun Ġorġ ġie ordnat Saċerdot nhar it-22 ta' Diċembru 1906 mill-Isqof Pietro Pace u ċċelebra l-ewwel Quddiesa solenni fil-Parroċċa ta' San Gejtanu, l-Ħamrun, nhar il-Milied. Għal xi ġimgħat wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali kien joħrog biss mid-dar biex iqaddes. Kien jibqa' miġbur fil-kamra ta' fuq il-bejt jitlob u jimmedita. Għall-ħabta ta' l-aħħar ta' Jannar 1907 Dun Ġorġ sejjaħ mill-ġdid lill-grupp taż-żgħażagħ u nhar it-2 ta' Frar iltaqgħu fil-Knisja Ta' Nuzzo, il-Ħamrun, għal lezzjoni tiegħu. Nhar is-7 ta' Marzu ltaqgħu għall-ewwel darba f'post ċkejken li kienu krew f'numru 6, Triq Fra Diegu, l-Ħamrun. Dawn iż-żewġ dati jimmarkaw it-twaqqif tas-Societas Doctrinae Christianae (Soċjeta' tad-Duttrina Nisranija): grupp ta' żgħażagħ lajċi ffurmati fil-ħajja tar-ruħ u fil-prinċipji tar-reliġjon kattolika, mibgħuta biex jgħallmu l-poplu. Għall-bidu, Dun Ġorġ sejjaħ l-għaqda tiegħu Societas Papiduum et Papidissarum jew "Xirka ta' Ulied il-Papa" għax ried jisħaq fuq il-lealta' lejn il-Papa. Intant, iżda kważi b'ċajta, il-post fejn kienu jiltaqghu l-ewwel soċji ngħata l-laqam ta' "mużew" u biż-żmien il-laqam tal-post sar l-isem ta' l-għaqda, u baqa'. Dun Ġorġ fassal akrostiku mill-kelma "MUSEUM" bil-Latin: "Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus!" (Mgħallem, li kien id-dinja kollha timxi fuq l-Evanġelju!). Il-fergħa tan-nisa bdiet f'Raħal Ġdid fl-1910 bl-għajnuna ta' Giannina Cutajar li wara saret l-ewwel Superjura Ġenerali.

Kien għall-ħabta ta' l-1910 li Dun Ġorġ kellu esperjenza mistika qawwija li hu kien isejjaħ "il-famuża dehra ta' Ġesu' Tfajjel". Kien għaddej ħdejn is-Salib tal-Marsa meta jilmaħ tfajjel ta' madwar 12-il sena jimbotta karretta b'qoffa demel. It-tifel ikkmandah: "Agħtini l-ghajnuna!". Kif Dun Ġorġ medd idejh biex jagħtih l-għajnuna, ħass ħlewwa liema bħalha u ma setax isib tarf 'il fejn hu u t-tifel marru bil-karretta. Wara li rrifletta, Dun Ġorg intebaħ li t-tifel kien Ġesu', u d-demel, kif ġieli ndikat fl-Iskrittura, ifisser it-tagħlim. B'din il-viżjoni, fehem li Ġesu' riedu jagħti ħajtu għat-tagħlim tal-poplu.

Biż-żmien il-M.U.S.E.U.M. ħa l-bixra li nafuh biha llum: ħaddiema lajċi rġiel u nisa totalment iddedikati għall-appostolat tal-katekeżi kemm taż-żghar u kemm tal-kbar, modesti fl-ilbies u fil-kliem, ħajjithom minsuġa b'sensiela ta' talbiet qosra u ta' riflessjonijiet li jingħadu bl-amment għal kull kwarta tal-ġurnata ("L-Arloġġ Museumin"), impenjati għal siegħa jew iżjed ta' katekeżi kuljum lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-Oqsma tas-Soċjeta' u wara siegħa oħra ta' formazzjoni permanenti għalihom infushom ("L-Assenjatur").

L-għaqda mwaqqfa minn Dun Ġorġ kellha l-mumenti iebsin tagħha. Fl-1909 Dun Ġorġ irċieva l-ordni li jagħlaq l-Oqsma kollha. Hu obda bi qsim il-qalb iżda mingħajr tlaqlieq. Kienu l-Kappillani stess li nsistew li tiġi revokata l-ordni tal Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Grech. Bejn l-1914 u l-1915 bdew jidhru fil-ġurnali lokali xi artikli kontra l-M.U.S.E.U.M. li kienu mimlija disprezz u nġurji. Dun Ġorġ impona fuq il-membri tiegħu il-vot jew wegħda tal-manswetudni li biha ntrabtu li jaħfru mill-qalb lil min ikasbarhom u kien jinsisti magħhom biex "iħobbu d-disprezzi" u ma jħallux li dawn itellfulhom il-paċi ta' qalbhom. Fl-1916 l-Isqof Mauro Caruana ordna li ssir inkjesta dwar is-Soċjeta'. Wara ħafna taħbit u umiljazzjonijiet għall-Fundatur, il-Kurja kienet sodisfatta bl-istħarriġ. Ġew ordnati xi tibdiliet fir-regolamenti tas-Soċjeta' iżda fl-aħħar kienet twittiet it-triq biex l-istess Isqof Caruana japprova s-Soċjeta'. Id-digriet ta' l-ereżjoni kanonika jġib id-data tat-12 ta' April 1932.

Dun Ġorġ Preca stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-Misteru ta' l-Inkarnazzjoni. Sa mill-1917 beda jqanqal il-qima lejn il-kliem mill-Evanġelju ta' San Ġwann, "Verbum Dei caro factum est - L-Iben t'Alla sar bniedem" (Ġwanni 1, 14). Ried li s-Soċji jilbsu badge b'dan il-kliem u mill-1921 ħa ħsieb li f'kull raħal u belt, lejliet il-Milied, tiġi organizzata "Dimostrazzjoni ad unur Ġesu' Bambin", użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied Malti. Ix-xewqa tiegħu kienet li għall-Milied kull tifel u tifla li kienu jattendu l-Museum jieħdu magħhom id-dar grotta b'Ġesu' Tarbija.

Fil-mumenti diffiċli ta' ħajtu u tas-Soċjeta' tiegħu Dun Ġorġ Preca tgħallem jafda fil-ħarsien qawwi ta' Sidtna Marija. Nhar il-21 ta' Lulju 1918 inkiteb bhala Terzjarju Karmelitan u fil-professjoni li għamel f'Settembru 1919 għażel l-isem ta' Patri Franku. Ried li t-tfal kollha li jattendu l-MUSEUM jinkitbu fil-Labtu tal-Karmnu u kellu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna tal-Buon Kunsill. Xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża u xtaq li l-Knisja tad-Dar Ċentrali fil-Blata l-Bajda tkun iddedikata lilha. Fl-1957 hu ssuġġerixxa ħames Misteri tad-Dawl għar-Rużarju.

Fid-19 ta' Mejju 1951 Dun Ġorġ bierek l-ewwel ġebla ta' l-Iskola San Mikiel, f'Santa Venera, u fl-1952 bagħat l-ewwel membri tiegħu biex jibdew is-Soċjeta' fl-Awstralja. Il-lum is-Soċjeta' tad-Duttrina Nisranija tinsab ukoll fl-Ingilterra, l-Albanija, s-Sudan, il-Kenja, u l-Peru'. Fit-2 ta' Ottubru 1952, il-Papa Piju XII ħatar lil Dun Ġorġ bħala Kamrier Sigriet bit-titlu ta' Monsinjur. Dun Ġorġ tnikket ħafna minħabba din l-Onorifiċenza. Hu baqa' Monsinjur sitt snin sakemm miet il-Papa Pacelli fl-1958. Fl-1955 qiegħed u bierek l-ewwel ġebla ta' l-Istitut Sagra Familja f'Ħaż Żabbar, fejn aktar tard ġew trasferiti s-Soċji Interni minn Ħaż Żebbuġ, fejn kienu bdew fl-1918.

Wara ħajja twila mimlija ħidma fejjieda fit-tagħlim tal-poplu ta' Alla, Dun Ġorġ Preca miet fid-Dar "San Gejtanu", Triq il-Parroċċa, Santa Venera, nhar il-Ħamis filgħaxija 26 ta' Lulju 1962. Malta u Għawdex bkewh. Hu ried funeral sempliċi, iżda sarlu wieħed li fih ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet tas-soċjeta' Maltija u eluf kbar ta' nies. Indifen fil-Kripta taħt il-Knisja tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża fi Blata l-Bajda li malajr saret post ta' pellegrinaġġi. Ġie bbeatifikat mill-Papa Ġwanni Pawlu II, f'Malta, nhar id-9 ta' Mejju 2001. Il-festa liturgika tiegħu taħbat fid-9 ta' Mejju.














 

Ritratti: M.U.S.E.U.M
Audio Clips: Justin Saliba
Kordinazzjoni: Simon Cassar
Tidher l-aħjar b'Microsoft Internet Explorer b'riżoluzzjoni 1024x768