foreign@media.link.com.mt
16 ta' Marzu, 2010
20:03 CET |
Kien hemm protesti vjolenti f'Ġerusalemm minn Palestinjani minħabba d-deċiżjoni għall-bini ta' 1,600 residenza għal-Lhud f'Ġerusalemm. Deċiżjoni li wasslet ukoll biex ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael ikunu fl-agħar stat f'dawn l-aħħar 35 sena. Tant ħżienu l-affarijiet li żjara ta' mibgħut tal-paċi Amerikan fl-Iżrael tħassret.
Għadd ta' żgħażagħ Palestinjani kienu involuti f'konfronti vjolenti mal-Pulizija Iżraeljana f'diversi partijiet tal-Lvant ta' Ġerusalemm. Il-Pulizija wieġbu bl-isparar tal-gass tad-dmugħ u balal tal-lastku. Sorsi mediċi qalu li tal-anqas 40 Palestinjan kellhom jiddaħlu l-isptar għall-kura wara li ndarbu fl-inkwiet. Il-Pulizija qalet li kien hemm żewġ uffiċjali minn tagħha li sfaw midruba.
Din il-vjolenza kienet sfida oħra għall-isforzi Amerikani biex tingħata ħajja ġdida lill-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani. Id-djar se jinbnew f'parti tax-Xatt tal-Punent li l-Gvern Iżraeljan kien għaqqad ma' Ġerusalemm. Il-Palestinjani jridu li l-Lvant ta' Ġerusalemm ikun il-kapitali tagħhom la darba jkollhom Stat għalihom.
Suppost kellu jirritorna lejn il-Lvant Nofsani George Mitchell, il-mibgħut Amerikan għal-Lvant Nofsani. Iżda hu ħassar iż-żjara wara li l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li ma kienx se jrażżan il-bini kontroversjali li l-Istati Uniti hi kontra. L-Iżrael ħabbar li kien se jagħmel dan il-bini waqt li l-ġimgħa li għaddiet kien fil-pajjiż Joe Biden, il-Viċi President Amerikan. Xi ħaġa li imbarazzat ħafna lill-White House.
Saeb Erekat, in-negozjatur kap Palestinjan, qal li s-sitwazzjoni kienet inkwetanti ħafna u l-aġir ta' Netanyahu kien qisu xi ħadd li qed iwaddab il-petrol fuq in-nar. Id-deċiżjoni Iżraeljana tħabbret ukoll ftit wara li l-President Palestinjan Mahmoud Abbas qabel li jagħti bidu għal taħditiet indiretti mal-Iżrael. Xi ħaġa li hu issa waqqaf sakemm dan il-proġett Iżraeljan ma jitħassarx.
Il-Ħamas, li jikkontrolla l-Medda ta' Gaza, iddikjarat il-ġurnata tal-Erbgħa bħala ġurnata ta' rabja kontra l-aġir Iżraeljan f'Ġerusalemm.
|