5 ta' Frar, 2010
16:09 CET |
F'April li ġej mistenni jagħti kunċert f'Malta l-eks kantant ewlieni tal-Boyzone, Ronan Keating. Il-kantant, li hu l-aktar magħruf għal sensiela ta' hits li dejjem baqgħu popolari, qed jinġieb Malta mill-NnG Promotions u l-kunċert mistenni jsir fl-MFCC, ġewwa Ta' Qali.
Dan il-kunċert ser jimmarka l-bidu tal-kalendarju tal-kuncerti f'Malta. Il-kantant ser jagħmel waqfa qasira ġewwa l-pajjiż bħala parti mit-tour tiegħu, Songs For My Mother, li beda f'Novembru. Keating ser jagħti wkoll kunċerti fl-Iskozja, l-Irlanda, l-Ingilterra u l-Ġermanja fost l-oħrajn.
Il-kunċert t'April f'Malta jkompli fuq it-tradizzjoni ta' kunċerti kbar li sirna magħrufin għalihom f'Malta. Is-sena li għaddiet NnG Promotions organizzaw total ta' tlett kunċerti live b'erba' kantanti internazzjonali: Joseph Calleja, Michael Bolton, Laura Pausini u Tom Jones.
Keating, li aktar kmieni din il-ġimgħa ngħata Gold Disc f'ġieħ is-suċċess li kisbet is-single tiegħu Stay ġewwa l-Awstralja, oriġinarjament sploda fuq ix-xena tal-mużika nternazzjonali bħala parti mill-pop group Boyzone. Ir-repertorju tal-kantant Irlandiż jinkludi diski bhal Life Is A Rollercoaster, When You Say Nothing At All, Once Upon A Lifetime, If Tomorrow Never Comes u oħrajn.
Id-dettalji ta' dan il-kunċert, li mistenni jsir fit-3 ta' April, tħabbru waqt konferenza tal-aħbarjiet li saret mil-organizzaturi. Il-biljetti għal dan il-kuncert jibdew mill-prezz ta' 25 ewro.
|