Ingrid FENECH
4 ta' Marzu, 2010
15:00 CET |
Il-promenade ta' Qui-si-sana se jinbidel fi spazju ieħor miftuħ għall-familji Maltin u għat-turisti li jżuru pajjiżna.
Dan wara li jitlestew ix-xogħlijiet fuq proġett li qed isir f'din iż-żona, b'investiment totali ta' aktar minn nofs miljun ewro. Ix-xogħol, li miexi b'ritmu mgħaġġel, se jkun lest sal-bidu tas-sajf li ġej u se jagħti lura lill-poplu żona isbaħ ta' għawm u rikreazzjoni kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.
B'investiment ta' aktar minn nofs miljun ewro, b'dan il-proġett il-Gvern qed ikompli jinvesti fis-settur turistiku u fit-tisbiħ tal-ambjent ta' madwarna. Dan qalu l-Ministru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino waqt żjara li għamel fis-sit, fejn segwa milll-qrib l-aħħar żviluppi ta' dawn ix-xogħlijiet. Hu spjega wkoll kif dan il-proġett, li beda fi Frar li għadda u se jibqa' għaddej sa Ġunju, mhux se jċekken il-bajja, anzi se jżid parti msaqqfa minn fejn wieħed ikun jista' jammira l-ġmiel tal-bajja anke matul is-sena kollha.
Bħala parti minn dan il-proġett se jingħalaq l-aċċess ta' din il-bajja għall-karozzi iżda ż-żona kollha se tibqa' aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita'. Se jkun hemm ukoll facilitajiet sanitarji u numru ta' bankijiet ġodda u se jiżdied id-dawl fiż-żona. It-triq se titwessa' biex it-traffiku fiż-żona jitmexxa aħjar, filwaqt li m'hu se jitnaqqas xejn mill-postijiet ta' parkeġġ eżistenti.
George Pullicino qal li dan il-proġett ikompli jsebbaħ żona importanti f'Tas-Sliema u jibni fuq it-tisbiħ li qed isir fiż-żona, fejn, wara l-proġett ta' Pjazza Sant'Anna u Triq it-Torri, issa jonqos li lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla jinbeda wkoll il-proġett ta' tisbiħ tax-xatt ta' Tas-Sliema li jibqa' sejjer sax-xatt ta' Ta' Xbiex.
|