Hermann MICALLEF
26 t' April, 2009
16:31 CET |
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Ministru George Pullicino l-Ħadd wara nofsinhar żaru l-Festa Frawli li kienet organizzata fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta' l-Imġarr. L-attivita' saret bl-għajnuna ta' diversi voluntieri mill-Kummissjoni Lejla Mġarrija.
F'kelmtejn il-Prim Ministru faħħar lill-bdiewa u lir-raħħala Mġarrin li bl-isforzi tagħhom kabbru dan il-ġmiel ta' frawli. Awgura li din il-festa tibqa' ssir sena wara oħra għax il-pubbliku qed jikkonkorri bil-kbir biex iduq u jixtri l-prodott Malti. Min-naħa tiegħu l-Ministru Pullicino fakkar fil-Lejla Mġarrija li għal darb'oħra se terġa' issir f'Awissu li ġej. Hu qal li l-kalendarju ta' attivitajiet oħra ta' l-ikel mistennija jkomplu bil-Festa tal-Majjal u l-Festa tat-Tonn fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Wara l-Prim Ministru u l-Ministru Pullicino daru mat-tilari u daqu xi prodotti magħmula minn din il-frotta.
Ir-riħa mill-isbaħ tal-frawli, it-togħma ħelwa u mmerrqa tagħhom, il-ġmiel tal-wied tal-Imġarr u d-daqq tal-mużika folkloristika Maltija ħolqu atmosfera mill-isbaħ. Minn diversi tilari inbiegħ frawli frisk li twassal mill-bdiewa stess il-Ħadd filgħodu. Numru ta' koki ħejjew platti tipiċi bħal risotto bil-frawli u soppa. Kien hemm ukoll xarbiet magħmula minn din il-frotta bnina bħal milkshakes u inbid. Għal din l-okkażjoni ntramat kċina fejn il-koki sajru kekijiet, gateauxs, ġelati u numru ta' ħlewwiet oħra magħmula mill-frawli. Gruppi Maltin u Għawdxin daqqew u żifnu mużika folkloristika.
L-organizzaturi ta' Festa Frawli ħasbu wkoll f'logħob għat-tfal, rikbiet fuq iż-żwiemel u varjeta' għall-familja kollha. Ħafna familji għamlu l-Festa Frawli bħala l-ħarġa tal-Ħadd u kien hemm min l-entużjażmu ġera bih u ma naqasx milli jdaħħal ir-romantiċiżmu!
|