Chris MUSCAT
30 ta' Lulju, 2010
19:46 CET |
Manchester United iffrankaw miljuni ta' flus billi akkwistaw lill-attakkant Messikan Javier Hernandez qabel dan wera lid-dinja kollha t-talenti tiegħu. Dan qalu l-maniġer tal-klabb Alex Ferguson.
Hernandez ingħaqad mat-tim il-ġdid tiegħu nhar it-Tnejn f'Houston.
"Naħseb li s-scouts tagħna jimmeritahom 10 minn 10 talli għarfuh qabel il-finali tat-Tazza tad-Dinja u naħseb li kieku ppruvajna ninnegozjaw wara t-Tazza tad-Dinja kienet se tkun ferm aktar diffiċli. Naħseb li kien ikun hemm ħafna timijiet warajh u probabbilment kien jiswiena d-doppju jew tliet darbiet aktar milli xtrajnieh," qal Ferguson.
United qatt ma ħabbru s-somma li ħallsu lil Chivas għal Hernandez imma rapporti fil-midja qalu li dan hu ta' madwar 7 miljun sterlina.
Ferguson faħħar ukoll il-klabb Messikan talli żammew dan il-ftehim kwiet.
Min-naħa tiegħu Hernandez qal li kien qed jgħix f'ħolma.
"Sa minn tfuliti u anke f'pajjiżi, din hi ħolma li tkun reġistrat ma' klabb bħal dan. Qed naħdem iebes u ninsab ħerqan li nitgħallem u nkun fuq l-istess livell ta' sħabi mat-tim. Imma nixtieq nikber bħala persuna u bħala plejer," qal Hernandez qabel il-partita li United lagħbu lbieraħ kontra t-tim tiegħu ta' Chivas.
|