19 ta' Ġunju, 2012
23:30 CET |
B'goal ta' Wayne Rooney, it-tim Ingliż rebaħ Grupp D u b'hekk se jiltaqa' mal-Italja fil-kwarti-finali filwaqt li Franza spiċċaw fit-tieni post minkejja li ġew megħluba mill-Iżvezja.
It-tim Ingliż mmexxi minn Roy Hodgson għelbu lit-tim li kien qed jilgħab f'daru, l-Ukrajna bl-iskor ta' 1-0. F'din il-logħba rritorna mal-Ingilterra l-player ta' Manchester United, Rooney, li skonta sospensjoni ta' żewġ logħbiet wara r-reazzjoni fl-aħħar logħba ta' kwalifikazzjoni kontra l-Montenegro. L-unika goal tal-partita wasal fit-48 minuta meta minn kross ta' Gerrard, Rooney bir-ras poġġa ballun fix-xibka. Fit-62 minuta, t-tim Ukren ipprotesta mar-referee minħabba li jidher li l-ballun kien qabeż il-linja tal-goal meta kien mtajjer minn Lampard.
Fi Kiev, l-Iżvezja kisbu rebħa ta' 2-0 fuq it-tim Franċiż li ma swiet għalxejn. L-ewwel goal tal-partita wasal minn Ibrahimovic wara disa' minuti tat-tieni taqsima minn semi-rovesciata. Fl-aħħar minuti tat-tieni taqsima Larrson irdoppja wara li l-ballun xxuttjat minn Holmen ħabat mal-minduda.
B'hekk it-tim Ingliż spiċċa fl-ewwel post tal-klassifika fi Grupp D b'7 punti biex b'hekk issa jilgħabu kontra l-Italja nhar il-Ħadd. Franza spiċċaw fit-tieni post b'erba' punti biex b'hekk issa nhar is-Sibt jilgħabu kontra Spanja. It-tim Ukren u t-tim Żvediż spiċċaw biex tliet punti u b'hekk ġew eliminati mill-kompetizzjoni.
Il-logħba ta' EURO 2012 issa jirritorna l-Ħamis bl-ewwel partita tal-kwarti-finali bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Portugall.
|