17 t' April, 2012
18:05 CET |
Is-sewwieq tal-McLaren Lewis Hamilton qal li issa la darba qiegħed fil-quċċat tal-klassifika tas-sewwieqa se jagħmel minn kollox biex jiddefendi l-ewwel post hekk kif jinsab żewġ punti fuq sieħbu Jenson Button. Ftit tal-ġimgħat ilu Hamilton kien qal li l-għan tiegħu dan l-istaġun hu li jkun konsisntei u s'issa dan wettaq eżatt dak li qal. Fl-ewwel tliet Grand Prix tas-sena Hamilton spiċċa dejjem fit-tielet post u qiegħed fl-ewwel post b'45 punt.
Hamilton beda mill-pole position kemm fil-Grand Prix tal-Awstralja kif ukoll fil-Grand Prix tal-Malasja iżda qatt ma rnexxielu jiddefendi l-ewwel post. Fit-tielet Grand Prix tas-sena dan beda mis-seba' post minħabba penalita` u irnexxielu jispiċċa t-tielet.
“Ilni ma nkun fl-ewwel post tal-klassifika tas-sewwieqa. Mhux se nistrieħ iżda se naħdem aktar biex niddefendi l-ewwel post. Hu ovvja li nixtieq li kelli aktar punti jew li rbaħt xi Grand Prix imma l-importanti hu li qiegħed l-ewwel,” qal is-sewwieq Ingliż.
Minkejja li Hamilton għadu ma rebaħx Grand Prix dan qal li jinsab ottimist li l-ewwel rebħa tas-sena hi ferm viċin. “Jekk nibqa' naħdem kif qed naħdem żgur li nirbaħ xi tellieqa,” temm jgħid Hamilton.
Alonso pessimist
Is-sewwieq tal-Ferrari Fernando Alonso qal li fil-Grand Prix ta' tmiem il-ġimgħa fil-Bahrain dan se jipprova jillimita d-danni aktar milli jipprova jirbaħ. Alonso, waqt it-testijiet ta' qabel l-istaġun kien ikkritika bl-aħrax il-karozza u qal li sakemm jidra l-karozza se jipprova jillimita d-danni. Alonso ħasad lil kulħadd meta rebaħ it-tieni Grand Prix tas-sena, dak tal-Malasja u minkejja li rebaħ dan il-Grand Prix dan pront stqarr li fil-kamp tal-Ferrari għad hemm l-istess problemi li kien ilmenta dwarhom fil-bidu tal-istaġun.
Alonso spiċċa fid-disa' post fil-Grand Prix taċ-?ina u qal li kien jaf li kienet se tkun tellieqa diffiċli. “Iċ-ċirkwit tal-Bahrain irid ikollok karozza veloċi u nemmen li għalissa għad m'għandiex karozza li hi veloċi daqs tar-Red Bull jew tal-McLaren. Ma tantx nista' nkun ottimist wara r-riżultat li ksibt fi tmiem il-ġimgħa,” qal Alonso.
Minn naħa tiegħu, id-Direttur Tekniku Pat Fry qal li fit-tellieqa taċ-?ina d-difetti tal-Ferrari kienu evidenti ħafna. Inutli noqgħodu nibku dwar ir-riżultat negattiv, li rridu nagħmlu hu li naħdmu kemm nifilħu biex intejjbu l-karozza,” qal Fry.
|