John ZAMMIT
29 t' Awwissu, 2012
14:44 CET |
Illejla f'Londra tibda ġrajja sportiva b'tifsira qawwija: il-Logħob Paralimpiku. Ismu miegħu, 'para' 'Olimpiku', logħob li jsir flimkien ma', jew maġenb, il-Logħob Olimpiku; it-tnejn indaqs fil-valur.
Il-Moviment Olimpiku jiddikjara li l-isport hu dritt ta' kull bniedem bla diskriminazzjoni ta' xejn. Għalhekk, anke dawk li jkollhom xi diżabilità, għandhom igawdu kull ċans li jipprattikaw kull sport u jikkompetu f'ambjent ġust.
Bnedmin ilkoll indaqs
Illejla għalhekk tibda ċelebrazzjoni ta' prinċipju mill-aktar importanti: li aħna l-bnedmin ilkoll indaqs u għalhekk jeħtieġ ingawdu l-opportunità li nieħdu sehem daqs xulxin f'kull qasam tal-ħajja, ikun liema jkun.
Għax aħna ndaqs, jeħtieġ ukoll ingawdu l-libertà pożittiva; mhux biss il-libertà negattiva li nkunu ħielsa minn xi ħaġa imma wkoll il-libertà pożittiva li nkunu ħielsa nagħmlu xi ħaġa: li nkunu ħielsa nagħmlu dak li jista' jagħmel kull bniedem.
Il-libertà pożittiva
Dan il-prinċipju llum qed inwettquh f'Malta f'ħafna oqsma, anke jekk dejjem jonqos x'isir.
Fil-qasam tal-edukazzjoni, studenti b'diżabilità jitgħallmu mhux f'xi istituzzjoni għalihom imma mal-bqija ta' sħabhom b'investiment qawwi mill-Gvern għall-istess raġuni li l-Gvern jagħti protezzjoni lil min ikun mhedded, per eżempju, għax kull bniedem għandu dritt igawdi l-ħajja sħiħa f'kull qasam daqs kull bniedem ieħor.
Idea ġenwina imma nieqsa
Għalhekk l-idea li nies b'diżabilità jkollhom istituzzjonijiet apposta għalihom wara li jiġu neqsin il-ġenituri tagħhom, per eżempju, anke jekk ġenwina, hi idea nieqsa.
Għax kemm jista' jkun, persuni b'diżabilità għandu jkollhom kull ċans jieħdu sehem fil-milja kollha tal-ħajja; mhux magħluqin x'imkien imma fi ħdan il-familji u l-kommunitajiet li jagħmlu l-esperjenza tal-ħajja waħda rikka u sħiħa għal kulħadd.
Għalhekk il-Gvern diġà qal li jrid jimxi fit-triq aħjar li tagħti lil nies b'diżabilità assistent personali li jgħinhom jibqgħu jgħixu l-ħajja fil-familja u fil-kommunità.
Fl-għaxart ijiem li ġejjin, aħna u nsegwu l-Logħob Paralimpiku f'Londra, niċċelebraw l-ugwaljanza, l-opportunitajiet u l-libertà - sħaħ - li għandna ngawdu aħna l-bnedmin ilkoll.
|