maltarightnow.com
3 ta' Settembru, 2012
21:08 CET |
Emails interni li kienu ntbagħtu mill-organizzaturi tal-kunċerti li kien se jagħti Michael Jackson fl-2009 ftit qabel ma miet, juru li dawn kienu mħassbin ħafna dwar il-kundizzjoni tas-saħħa tal-kantant Amerikan.
F'email minnhom li ntbagħtet meta l-kantant kien Londra biex iħabbar il-kunċerti bl-isem This Is It, Jackson kien deskritt bħala 'ħerba emozzjonali' skont messaġġ minn Randy Philips tal-AEG li kienu qed jorganizzaw, lill-kap tiegħu Tim Leiweke.
Dan kien fost 250 paġna ta' emails li nkisbu minn The Los Angeles Times.
Il-korrispondenza feġġet bħala parti minn tilwima legali dwar il-kunċerti li tħassru. Il-kumpanija ta' assigurazzjoni Lloyds, li kienet assigurat il-kunċerti, qed tipprova xxolji 17.5 miljun dollaru f'polza tal-assigurazzjoni li kellhom l-AEG għax dawn ma kinux onesti dwar il-kundizzjoni tas-saħħa ta' Jackson.
Jackson kien miet fil-25 ta' Ġunju tal-2009 wara overdose ta' anestetiku li kien jieħu. F'Novembru li għadda, it-tabib personali tiegħu Conrad Murray kien instab ħati tal-qtil involontarju ta' Jackson u kien ikkundannat għal erba' snin ħabs.
|