20 t' Awwissu, 2012
15:21 CET |
Bħalma jiġri kull sena f'dan iż-żmien, bdew jitfaċċaw l-ewwel bram magħrufin bħala "tal-lampuki", jew "qassata". Din il-brama, li ma ġġib magħha l-ebda periklu għall-bniedem u ma tniggiżx, intlemħet l-ewwel darba din is-sena fl-inħawi taż-Żurrieq minn Mark Anthony Falzon, bħala parti mill-kampanja Spot The Jellyfish.
Id-daqs adult ta' din il-brama partikolari hu ta' madwar pied (30cm). Hija tip ta' brama popolari ħafna mal-għaddasa, speċjalment minħabba li ma tinggiżx.
Il-kampanja Spot The Jellyfish ilha tosserva mill-qrib lill-bram fl-ibħra Maltin għall-aħħar tliet snin u ser tkun qed tippubblika figuri dwar il-varjetà ta' bram u l-ispeċi differenti bejn l-2010 u l-2012.
Min jilmaħ xi bram huwa mitlub jinforma lill-kampanja permezz tas-sit elettroniku www.ioikids.net/jellyfish, jew b'sms lin-numru 79 222 278, jew ukoll b'email lil [email protected], fejn huwa mitluf li anke jintbagħtu ritratti tal-istess brama.
|