24 ta' Frar, 2012
17:14 CET |
M’hemmx definizzjoni ċara ta’ xogħol prekarju u l-General Workers’ Union qed toħloq konfużjoni bejn xogħol li hu illegali u xogħol flessibbli.
F’artiklu f’ġurnal lokali fil-ġranet li għaddew, il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joshua Zammit, qal li l-MEA hi kontra kull forma ta’ abbuż u illegalita’ iżda min-naħa l-oħra ma tistax taqbel ma’ unions li qed jitfgħu kull forma ta’ impjieg li ma jaqax taht il-parametri tradizzjonali tagħhom taħt il-kappa ta’ xogħol prekarju.
L-MEA qalet li fis-soċjeta’ tal-lum, qed joħorgu forom differenti ta’ impjieg u li jirriflettu l-bidla fil-ħtiġjiet u l-aspettattivi kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema stess. L-impjieg full-time b’kuntratt indefinit mhux l-uniku forma ta’ impjieg.
L-MEA ma tistax tifhem kif kuntratt definit ta’ impjieg, jew impjieg part-time, qed ikunu deskritti bħala xogħol prekarju.
Il-kwistjoni tqajmet wara li l-General Workers’ Union fetħet attakk fuq il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji il-GRTU fejn is-Segretarju Ġenerali Tony Zarb akkuża lid-Direttur Ġenerali Vince Farrugia li allegatament għajjar lil ħaddiema li jagħmlu xogħol prekarju bħala ġrieden.
Il-GRTU qalet li fl-ebda hin ma kienet insulenti lejn il-ħaddiema, li l-imsieħba tagħha jiddependu minnhom biex l-intrapriżi tagħhom jirnexxu.
L-istqarrija tal-GRTU tkompli li l-kumment ta’ Vince Farrugia sar fil-kuntest tal-kampanja li qed tagħmel il-GWU biex tħeġġeġ self-employed biex jitilqu mill-GRTU u jissieħbu fil-GWU. Vince Farrugia qal li post fil-GRTU għal min jevadi u jinnegozja b’mod illeċita ma hemmx u li jekk dawn it-tip ta’ ġrieden trid teħodhom il-GWU, hi affari tagħha.
Fi stqarrija separata, il-kumpanija Support Services Ltd, li tissupplixxi care-workers fi sptarijiet, ċentri u djar pubbliċi kif ukoll privati, ċaħdet kategorikament l-allegazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb.
Support Services Ltd qalet li l-impjegati kollha tagħha jaħdmu b’kundizzjonijiet u pagi skont il-liġi. Hi wkoll policy tal-kumpanija li fil-kuntratti tax-xogħol idaħħlu miżuri favur il-familja.
Id-Diretturi ta’ Support Services għamluha ċara li jirrispettaw id-dritt tal-impjegati li jissieħbu fi trade union tal-għażla tagħhom u ddeskrivu bħala infondat, id-diskors li ntqal li l-istess diretturi involvew ruħhom biex titwaqqaf union għal careworkers.
|