29 ta' Lulju, 2010
14:43 CET |
Fi stqarrija, il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f'Marsaxlokk esprima s-sodisfazzjon tiegħi għall-ammont kbir ta' investiment, ħidma u xogħol li qed isir minn gvern Nazzjonalista fin-nofsinhar ta' Malta, b'mod speċjali f'Marsaxlokk.
L-istqarrija tgħid kif, tliet snin ilu, dan ir-raħal b'kommunita numeruża ta' sajjieda ra l-investiment minn naħa tal-gvern, anke permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea f'hard standing facilities għas-sajjieda, liema faċilitajiet għamlu l-ħajja tas-sajjieda ferm aktar faċli kemm fuq livell soċjali kif ukoll fuq livell finanzjarju. Il-hard standing facilities huma investiment mill-Gvern Nazzjonalista li kull sajjied illum il-ġurnata japprezza l-utilita' tagħhom.
Iżda l-ħidma ta' Gvern Nazzjonalista, jgħid il-Kumitat Sezzjonali, ma waqfitx hawn għaliex il-Gvern qed jimbarka bi proġett ieħor - Park Nazzjonali fil-peniżola ta' Delimara kif ukoll Marine Park fi Xrob l-Għaġin fejn qabel kien hemm id-Deutsche Welle. L-istess Gvern Nazzjonalista kkometta ruħu u ser iwettaq proġett ta' tiswija u estenzjoni ta' mitt metru tal-breakwater li hemm mal-moll ta' ħdejn il-power station. Tħabbar ukoll il-proġett ta' bini ta' breakwater ieħor fuq in-naħa tal-ponta tal-Qrejten. Dan il-breakwater il-ġdid ser ikun qiegħed joffri aktar sigurta' lill-opri tal-baħar tal-kommunita' tas-sajjieda fi ġranet ta' maltemp.
Wieħed ma' jistax f'dan l-istadju, tkompli l-istqarrija, ma jfaħħarx il-proġett tal-promenade ta' Marsaxlokk, b'Xatt is-Sajjieda jingħata wiċċ ġdid tat-tarmak, tibdil fis-sistema tad-dwal kif ukoll xogħol fuq is-servizzi essenzjali bħal drenaġġ u ilma. Il-Gvern Nazzjonalista ser isebbaħ il-promenade ta' Marsaxlokk anke permezz ta' street furniture ġdida li tmur tajjeb mal-karattru ta' dan ir-raħal pittoresk. Dan il-proġett mistenni jara anke l-pjazza tiġi rinovata.
Dan l-investiment ta' miljuni kbar ta' ewro minn Gvern Nazzjonalista f'Marsaxlokk juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jtejjeb il-kwalita' ta' ħajjet ir-residenti ta' Marsaxlokk filwaqt li jkompli jaħdem sabiex jissaħħaħ il-prodott turistiku.
|