Ray ABDILLA
29 ta' Lulju, 2010
11:45 CET |
Clayton Fava, ta' 23 sena minn Ħaż-Żabbar, kien ikkundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta li f'April tas-sena l-oħra seraq minn residenza ġojjellerija li kienet tikkonsisti f'ċurkett u ġiżirana tad-deheb. Huwa nstab ħati wkoll li mill-istess dar li tinstab f'Ħaż-Żabbar stess seraq "lap top" u kamera tar-ritratti tal-marka Nikon.
Fava instab ħati li wettaq dan ir-reat għad-dannu ta' Colin Ellis u li għamel ukoll ħsara fir-residenza tiegħu u li laqa' għandu ħwejjeġ misruqin. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli ikkunsidrat il-fatt li Fava ikkopera mal-Pulizija, iżda kien ikkunsidrat ukoll il-fatt li diġa instab ħati ta' serq darba oħra u ngħata l-opportunita' li jirriforma ruħu.
Mill-provi rriżulta wkoll li Clayton Fava għandu problema ta' abbuż mid-droga u li pprova jibda programm sabiex jipprova jegħleb il-vizzju, iżda ma kompliex. Il-Qorti fis-sentenza tagħha għamlet ukoll rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin sabiex Fava jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa biex jegħleb il-problema. Għal Fava deher l-Avukat Mark Busuttil filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jesmond Borg.
|