Daniela BARTOLO
18 ta' Ġunju, 2010
19:02 CET |
Inizjattiva personali ta' Joe Pellegrini, akkanit tal-futbol Taljan wasslet biex fil-5 ta' Lulju jiġu rkantati memorabilia relatati mat-tim tal-futbol Taljan u r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2006.
Fiċ-ċentru tal-irkant, replika tat-Tazza tad-Dinja ffirmata minn 6 plejers li għamlu parti mit-tim rebbieħ Taljan fl-2006. Dawn huma Fabio Cannavaro, Gianliuigi Buffon, Alessandro Del Piero, Mauro Camonaresi, Vincenzo Iaquinta u Fabio. Mar-replika tat-Tazza tad-Dinja, maħduma minn ħabib ta' Pellegrini stess, se jkunu qed jiġu rkantati wkoll żewġ flokkijiet milbusa minn Gianliugi Buffon u Alessandro Del Piero fl-aħħar Tazza tad-Dinja u ffirmati minnhom stess. Magħhom se jiġu rkantati wkoll ritratti kbar iffirmati minn plejers Taljan.
F'kumment lil maltarightnow.com, Pellegrini spjega kif l-idea li jagħti dawn il-memorabilia nibdet lura f'Jannar li għadda. Minn hemmhekk hu uża kuntatti personali li għandu Turin biex kiseb il-firem tas-6 plejers. It-trofew hu 400mm għoli, 180mm wiesa' u jiżen 5.65 kg.
Il-memorabilia se jkunu qed jintwerew f'numru ta' ħwienet tal-kumpanija GO li ssieħbet ma' Pellegrini f'din il-kampanja Be a Champion for Charity.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu fuq www.go.com.mt
|