Josianne CAMILLERI
16 ta' Ġunju, 2010
19:20 CET |
Ix-xjentisti u l-antropoloġi huma kważi ċerti li sabu l-fdalijiet ta' Michelangelo Merisi, magħruf bħala Caravaggio. L-artist miet fl-1610 fl-eta' ta' 39 sena. F'Malta Caravaggio hu magħruf għall-pitturi tiegħu ta' San Ġilormu u l-qtugħ ir-ras ta' San Ġwann.
Il-mewt ta' Caravaggio u l-post fejn jinsab midfun dejjem kienu misteru. Fost it-teoriji hemm li Caravaggio inqatel minħabba r-reliġjon jew inkella inħakem mill-malarja u miet fuq bajja mitluqa fit-Toskana. Iżda disa' snin ilu, studjuż Taljan qal li kien sab iċ-ċertifikat tal-mewt tal-artist ċelebri, li allegatmanet juri li Caravaggio miet fl-isptar tat-Toskana. Iżda l-post fejn indifen madwar 400 sena ilu inżamm mistur.
Bl-istudju tad-dokumenti storiċi, ix-xjentisti waslu saċ-ċimiterju ta' San Bastjan u imbagħad fl-osswarju ta' Porto Ercole. Minn hemmhekk ġabru xi għadam, għamlu testijiet tad-DNA fuq persuni maħsuba li jiġu minn Caravaggio u kien konfermat li l-artist fil-fatt hu wieħed mill-antentati tagħhom.
Kif jisjega Silvano Vinceti, il-Kap tal-Kumitat Nazzjonali għall-wirt Kulturali, Porto Ercole kien f'idejn l-Ispanjoli li ħatfu l-fdalijiet ta' Caravaggio u difnuħ bil-moħbi biex jevitaw li l-pitturi tiegħu jinsterqu minn xi ħadd, fosthom il-qraba tiegħu li riduhom akkost ta' kollox.
Caravaggio kien beda t-teknika tal-chiaroscurro tal-istil ta' l-arti Barokk. B'din it-teknika fil-pittura tiegħu, l-artist joħloq kuntrasti qawwija bejn id-dawl u d-dlam. Ix-xjentisti qed jittamaw li jpoġġu l-fdalijiet ta' Caravaggio għall-wiri f'Porto Ercole qabel ma jingħata difna xierqa, 400 sena wara mewtu.
|