16 ta' Marzu, 2010
19:11 CET |
Erba' xufiera tal-karozzi tal-linja kienu illiberati mill-Maġistrat Audrey Demicoli li waqt l-istrajk li kien seħħ tal-karozzi tal-linja fis-sajf ta' sentejn ilu kellhom l-intenzjoni li jwettqu reat li seta' jasal fi stadju ta' vjolenza. Xufier ieħor ukoll ma nstabx ħati li wettaq dawn ir-reati iżda nstab ħati u li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.
Silvio Borg ta' 40 sena, u George Psaila ta' 43 sena, t-tnejn mill-Mellieħa, flimkien ma' Dennis Desira ta' 40 sena u Wayne Desira ta' 19-il sena, t-tnejn minn Buġibba ma nstabux ħatja li fil-15 ta' Lulju 2008, għal ħabta tal-11 ta' filgħodu, fil-Belt Valletta, ffurmaw f'ġemgħa ta' tlett persuni jew aktar u dan f'ċirkostanzi li setgħu jwettqu vjolenza, theddid, rewwixti, jew biża' fost in-nies.
Huma ma nstabux ħatja wkoll li ħadu parti attiva f'ġemgħa ta' 10 min-nies jew aktar, miġburin bil-ħsieb li jagħmlu reat, minkejja li l-istess ġemgħa ma kienitx imxewwxa. Huma lanqas ma nstabu ħatja li ma obdewx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Sadanittant Paul Cardona ta' 32 sena mill-Mellieħa, ukoll ma nstabx ħati ta' l-ewwel żewġ akkużi, iżda kien immultat 56 ewro talli ma' obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.
Mill-Qorti ħareġ li l-każ jirrigwarda nċident li nqala' fil-15 ta' Lulju 2008 għall-ħabta tal-11.00am fil-Viset Terminal, il-Belt Valletta meta kien għaddej l-istrajk tat-trasport pubbliku. Mill-provi rriżulta li l-pulizija tad-distrett tal-Belt marru fl-imsemmi terminal peress li żewġ infurmati li kien hemm taxi privata li kienet marret tiġbor xi passiġġiera minn cruise liner meta ġiet imwaqqfa minn ġemgħa ta' nies li kienu qed jipparteċipaw fl-istrajk u ma tħallitx titlaq minn fuq il-post.
Il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt li marru fuq il-post, qalu li meta marru fuq il-post sabu din il-karozza li kellha passiġġiera riekba fuq wara twaqqfet mill-parteċipanti fl-istrajk u peress li kemm is-sewwieq ta' din it-taxi privata, kif ukoll il-passiġġiera dehru imbeżżgħin, il-Pulizija rnexxilhom idaħħlu t-taxi fid-daħla tat-terminal tal-katamaran u dan sar sabiex jissalvagwardjaw kemm lix-xufier kif ukoll lil passiġġiera.
Il-parteċipanti fl-istrajk li kienu fuq il-post, skond ix-xhieda tal-Prosekuzzjoni kienu madwar mitt ruħ, kienu fit-triq u qed jiċċirkondaw l-imsemmija vettura meta waslet fuq il-post. Il-Qorti qalet li wara li semgħet il-provi kollha, inkluż tal-imputati, li kienu arrestati qagħdet fuq ix-xhieda tagħhom li llkoll stqarru mal-Pulizija li huma kienu għaddejjin mill-Waterfront għaliex riedu jmorru jieklu f'post viċin u qalu li meta waslu ħdejn il-Waterfront kien hemm ħafna nies fit-triq li kienu jinkludu uħud minn sħabhom li kienu qed jipparteċipaw fl-istrajk tat-Trasport Pubbliku kif ukoll diversi membri tal-korp tal-Pulizija.
Huma qalu li twaqqfu minn uħud minn sħabhom li riedu jkellmuhom għaliex ħasbu li fil-vettura magħhom kien hemm xi ħadd minn tal-kumitat u spjegaw li meta waqfu mal-ġemb tat-triq kellhom jirriversjaw xi ftit sabiex ma jibqgħux fin-nofs. Huma ċaħdu li għamlu dan sabiex ma jobdux l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.
Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova li dawn ix-xufiera kienu se jagħmu xi rewwixta. Qalet ukoll iżda li Paul Cardona li kien is-sewwieq tal-vettura li fiha kienu passiġġiera l-erba' xufiera l-oħra, kien ingħata mis-Supretendent Alexandra Mamo sabiex huma jsuqu minn fuq il-post, għal darba, darbtejn iżda l-vettura baqgħet ma
ċċaqalqitx u telqet minn fuq il-post biss wara madwar għaxar minuti. L-Avukat Giannella Caruana Curran deheret għal Wayne Desira filwaqt li għall-erba' xufiera l-oħra deher l-Avukat David Gatt. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Anthony Portelli u James Grech.
|