Neil CAMILLERI
8 ta' Frar, 2010
19:20 CET |
Lydia Abela, mart Robert Abela, it-tifel tal-President ta' Malta George Abela, inħatret fil-kariga ta' Segretarja tal-Eżekuttiv Nazzjonali Laburista. Dan tħabbar mill-mexxej Laburista Joseph Muscat f'konferenza tal-aħbarijiet msejħa b'urġenza u li ntemmet ftit tal-ħin ilu.
Muscat qal li l-avukat Dr Lydia Abela ġiet avviċinata minnu biex tikkontesta l-kariga u ġiet magħżula b'votazzjoni sigrieta unanima tal-eżekuttiv nazzjonali.
Lydia Abela twieldet fit-18 ta' Ottubru tal-1978 f'Bormla. Ilha tipprattika bħala avukat għal dawn l-aħħar seba' snin, u tispeċjaliżża fil-liġi matrimonjali, ċivili, industrijali u marittima. Hija tiġi oħt Alison Zerafa, il-Viċi Sindku Laburista ta' Bormla u li l-ġimgħa li għaddiet kienet eletta fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista, u li fil-kampanja elettorali tal-2008 kienet tmexxi d-djalogi tal-Partit Laburista. Tiġi wkoll oħt Darleen Zerafa, li ukoll kienet il-Viċi Sindku Laburista ta' Bormla.
F'diskors qasir li għamlet Lydia Abela, filwaqt li rringrazzjat lil Joseph Muscat tal-fiduċja li wera fiha, qalet li l-kariga tagħha se tinvolvi li tassisti lill-mexxej Laburista, id-deputati mexxejja u l-President tal-Partit, u twettaq kull ħidma li tiġi mitluba tagħmel mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista. Hi qalet ukoll li aċċettat l-offerta ta' Joseph Muscat għax tinteressaha il-politika nadifa u li ma tiddiskriminax.
Sadanittant, il-Partit Laburista aktar kmieni llum ħabbar li f'laqgħa tal-grupp parlamentari, ikkonferma lil Joe Mizzi bħala Segretarju u Whip tal-Grupp Parlamentari. Id-deputati Joe Sammut u Noel Farrugia kienu kkonfermati bħala assistenti whips.
Fl-istess laqgħa nħatru s-sitt deputati li se jirrappreżentaw lill-grupp parlamentari fl-eżekuttiv. Dawn huma Leo Brincat, Carmelo Abela, Gavin Gulia, Gino Cauchi, Anthony Agius Decelis u Joe Debono Grech.
|