1 ta' Marzu, 2012
19:33 CET |
Il-Pjazza tad-Dehra f'Għajnsielem se tkompli tiġi msebbħa permezz ta' proġett li se jgawdi minn skema mnedija mill-Ministeru għall-Għawdex għal Kunsilli Lokali u NGOs Għawdxin li għaliha l-Gvern alloka 2 miljun ewro.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono żaret dan is-sit flimkien mas-Sindku ta' Għajnsielem Frans Cauchi. Is-Sindku spjega li permezz tal-fondi miksuba taħt din l-iskema, il-Kunsill se jirestawra dik li hi magħrufa bħala l-Għajn tal-Ħasselin.
Il-bini ta' arkati li kienu jiffurmaw d-daħla ta' din l-għajn, se jipprovdi spazju biex jinħoloq belveder li joffri veduti pittoreski tal-inħawi tal-wied li jinsab viċin, u anke d-dehra tal-fliegu bejn il-gżejjer Maltin.
Il-Ministru għal Għawdex faħħret l-inizjattivi tal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem li matul is-snin komplew isebbħu lil din il-lokalita.
Hi qalet li l-proġetti mwettqa mill-Kunsilli Lokali jikkumplimentaw proġetti oħra li qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex biex l-inħawi tal-port tal-Imġarr jingħata dehra aħjar.
|