Kenneth XUEREB
17 ta' Marzu, 2012
11:24 CET |
L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fetħet uffiċċju ġdid fir-Rabat Għawdex li minnu t-turisti jkunu jistgħu jiksbu kull tip ta' informazzjoni – uffiċċju li se jaqdi wkoll il-funzjonijiet offruti mill-kwartieri tal-MTA f’Malta, bħal ħruġ ta’ liċenzji u unit ta’ infurzar.
F’diskors waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-uffiċċju il-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent Mario de Marco qal li dan l-uffiċċju iktar ċentralizzat mhux biss se jkun punt ta’ informazzjoni għat-turisti f’Għawdex, iżda wkoll għal persuni li jaħdmu f’din l-industrija li issa jistgħu jinqdew mis-servizzi offruti mill-MTA f’Għawdex stess. Il-fatt li Għawdex qed ikun reklamat bħala destinazzjoni distinta jixraqlu li jkun attrezzat bis-servizzi turistiċi f’Għawdex stess.
Fl-istess inawgurazzjoni, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li t-turiżmu hu pilastru ewlieni fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-Gżira Għawdxija u hu għalhekk li l-Gvern jagħti attenzjoni partikolari lill-ħtiġjiet ta’ dan is-settur.
Giovanna Debono fakkret fid-diversi proġetti li qed itejbu l-prodott turistiku Għawdxi fosthom ir-restawr tas-Swar taċ-Ċittadella u l-proġett tal-waterfron taż-Żewwieqa.
|