8 ta' Ġunju, 2012
20:07 CET |
Tilqima ġdida li żviluppaw ix-xjenzati fl-Iżvezja tista’ taqta’ bin-nofs il-każi tal-marda Alzheimer’s, minbarra li tipprovdi l-ewwel pass ‘notevoli’ lejn il-kura ta’ din l-aktar forma komuni ta’ dimenzja.
Fl-istess ħin, it-tilqima – li ’l quddiem tista’ tkun anki tragward storiku fil-ġlieda kontra l-marda – mistennija ‘żżomm’ l-avvanz ta’ Alzheimer’s li jaffettwa l-kapaċitajiet tal-moħħ aktar ma persuna tikber fl-età.
Alzheimer’s tattakka fuq kollox lin-nervaturi u ċ-ċelloli tal-moħħ, b’impatt partikulari għan-neurotransmitters li jwasslu l-messaġġi lejn u għal moħħ il-bniedem. It-tilqima sadattant hi magħrufa bħala CAD10 u tgħin biex il-pazjenti ji'>viluppaw l-antibodies protettivi li jilqgħu kontra ‘d-depożiti negattivi’ li jakkumulaw fil-moħħ.
Min-naħa tagħhom, ir-riċerkaturi fl-Istitut ta’ Karolinska, fl-Iżvezja, u mal-iSwedish Brain Power Network jinsistu – permezz ta’ artiklu fil-Lancet Neurology journal – li din l-iskoperta għandha tgħin lil persuni li jbatu minn forom ‘minimi sa moderati’ ta’ Alzheimer’s.
Importanti wkoll huwa l-fatt li x-xjenzati ma sabu l-ebda effetti (side-effects) ‘bħala konsegwenza’ għan-nies bejn il-ħamsin u t-tmenin sena li ġew suġġetti għat-testijiet tat-tilqima fuq perijodu ta’ tliet snin.
Skont is-Soċjetà tal-Alzheimer’s din hija marda li taffettwa lil wieħed minn kull erbatax-il persuna li għandhom ’il fuq minn 65 sena.
Is-sogru ta’ Alzheimer’s anki jiżdied maż-żmien, meta magħruf li wieħed f’kull sitta li jagħlqu t-tmenin sena jiżviluppaw il-kundizzjoni u bix-xjenzjati jittamaw li s-CAD10 iżżomm il-marda milli tiżviluppa għal ħames snin filwaqt li jaħdmu fuq forom ġodda tat-tilqima li jkunu jerġa’ aktar effettivi.
|