Ray ABDILLA
16 ta' Mejju, 2012
19:10 CET |
Dak li fil-Qorti kien deskritt minn xi wħud bħala ġenju tal-kompjuter, ammetta li vvinta programm li kien jiġġenera numri ta’ top-up cards tal-mobiles u jbiegħhom lil ħaddieħor. Andrew Depasquale, student tal-Accounts ta’ 24 sena minn Naxxar ammetta li ffroda lill-kumpanija Go Mobile mill-anqas €3,735.
Depasquale li jaħdem ukoll bħala full time 'cameraman', ammetta quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li pproduċa program li jikkrea numri kompleti u li dawn kienu diffiċli biex tintraċċa minħabba sistemi qawwija ta’ sigurta’.
Huwa ammetta wkoll li għamel qliegħ għalih u għal ħaddieħor u għaldaqstant wettaq frodi għad-dannu tal-kumpanija Go. Dan mingħajr awtoriżazzjoni uża kompjuter jew apparat biex daħal f’data, u kkopja jew wettaq modifikazzjoni biex iqarraq.
Fil-Qorti ħareġ li is-€3,915 ma kienx aċċettat mill-banek u dan minħabba li kien hemm xi persuni li ma kellhomx kont fil-bank tagħhom.
L-Avukat tal-Go Mobile Ingrid Zammit Young qalet li l-kumpanija għad trid tidentifika l-ammont sħiħ ta’ din l-operazzjoni.
Il-Qorti poġġiet lil Depasquale fuq probation għal tliet snin bil-kundizzjoni li jrid iħallas lura l-flus fi żmien sena u jattendi program għar-riabilitazzjoni kontra d-droga. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Rennie Stilaval filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għal Depasquale.
|