14 ta' Frar, 2008
16:55 CET |
Fi stqarrija Rene' Rossignaud, li l-bieraħ irriżenja minn membru ta'
l-AD u kunsillier f'isimha fis-Swieqi, iddikjara li mhux minnu
assolutament li xi ħadd mill-PN għamel pressjoni fuqu biex jirriżenja.
Rossignaud kien qed iwieġeb għal stqarrija li ħarget l-AD u li fiha
allegat li hu irriżenja għax ċeda għall-pressjoni li saritlu mill-PN.
L-eks
kunsillier u eks-membru ta' l-AD wieġeb li din mhi xejn ħlief gidba
sfaċċata, u li hu ħa dan il-pass waħdu wara li rrifletta sew u fit-tul.
Rossignaud qal li, għalhekk, qed jirriserva d-dritt li jieħu l-passi
legali kollha biex jiddefendi ruħu minn din l-allegazzjoni.
Fl-ittra
tar-riżenja tiegħu, Rossignaud il-bieraħ spjega r-raġunijiet li wassluh
għal din id-deċiżjoni. Hu qal li telaq mill-AD għax din saret partit li
jinteressah biss li jirbaħ xi forma ta' poter akkost ta' kollox, inkluż
li jipperikola l-istess prinċipji li suppost jemmen fihom.
Fl-ittra,
li bagħat lil Harry Vassallo, Rene' Rossignaud kitiblu wkoll ma jistax
jibqa' jaħdem fl-AD għax din illum saret biss strument biex jissawwat
il-PM Lawrence Gonzi u l-PN.Waqt li temm jgħid li mhux lest jaħdem
f'partit u b'hekk ikun responsabbli li jtella' partit ieħor fil-gvern
li jerġa' jifridna mill-Ewropa li tant l-AD stess emmnet fiha.
|