29 ta' Ġunju, 2012
16:20 CET |
Is-summit li laqqa’ l-mexxejja kollha tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea wassal għal qbil dwar pakkett għat-tkabbir u x-xogħol mal-Ewropa kollha li jammonta għal 120 biljun ewro. Il-eurogroup għandu jimplimenta dawn id-deċiżjonijiet sad-9 ta’ Lulju.
F’kummenti wara li spiċċaw id-diskussjonijiet twal li saru f’dan is-summit delikat, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li l-Unjoni Ewropea iffukkat fuq 3 elementi importanti – il-patt għat-tkabbir u x-xogħol, dokument lejn unjoni ekonomika u monetarja u kif ukoll country specific raccomandations fejn Malta żammet il-pożizzjoni kategorika u konsistenti tagħha; ma taqbilx maż-żieda tal-eta tal-irtirar u lanqas mar-reviżjoni tal-mekkaniżmu li biha titkejjel iż-żieda li jingħataw fil-pagi.
Anke l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, Tonio Fenech fl-aħħar jiem, żamm din il-pożizzjoni fil-laqgħa tal-ECOFIN.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi fisser li kemm il-kummissjoni Ewropea u anke l-Gvern Malti għandhom l-istess skop.
L-iskop wara dan is-summit kien li l-Unjoni Ewropea toħloq viżjoni b’direzzjoni pożittiva ta’ kif il-pajjiżi se jtejbu l-kompetittivita tal-pajjiżi membri.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi semma kif fl-aħħar erba’ snin meta kienet għaddejja kriżi ta’ riċessjoni doppja, inħolqu 20 elf post tax-xogħol ġdid f’pajjiżna, u meta l-ewwel kwart ta’ din is-sena jiġi mqabbel mal-ewwel kwart tas-sena l-oħra, tiġi rreġistrata żieda ta’ tliet elef impjieg.
Fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgha, id-diskussjonijiet komplew bejn is-17 il-mexxej taż-żona ewro, li minnhom ma żdidux piżijiet żejda fuq dak li diġa hemm. Spanja u l-Italja jridu jkomplu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom.
|