Ray ABDILLA
26 ta' Marzu, 2012
14:07 CET |
Nicola Farrugia ta' 51 sena u ibnu Adrian Farrugia ta' 27 sena, residenti t-tnejn Ħaż-Żabbar ammettew li nhar il-Ħadd li għadda filgħodu, għall-ħabta tal-10.30 a.m. minn Ħal Far serqu ammont ta' ħadid li jiswa €550 minn fabbrika abbandunata, propjeta' tal-Malta Industrial Parks.
L-Avukat tal-imputati qal li l-klijenti tiegħu ma wettqu ebda sgass u peress li raw il-ħadid abbandunnat ħaduh biex ibiegħu u għax huma jaħdmu wkoll fil-Kostruzzjoni. Nicola Farrugia ammetta wkoll li sar reċidiv, imma fuq każ li seħħ aktar minn 20 sena ilu. Huwa ngħata ordni ta' probation għal perjodu ta' sentejn mill-Maġistrat Miriam Hayman filwaqt li ibnu Adrian kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena.
Il-Qorti wissiethom li jaraw x'jaraw, anke jekk abbandunat, iħalluh fejn hu. Għalihom deher l-Avukat Raphael Fenech Adami filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Arthur Mercieca u Priscilla Caruana.
|