Ray ABDILLA
2 t' April, 2012
12:29 CET |
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon ċaħdet talba li kien għamel l-imprenditur u Ċermen tal-kumpanja AX Construction Ltd Anġlu Xuereb, biex jitwaqqaf il-proċess tal-kanċellament tat-tender għall-kostruzzjoni ta' infrastruttura għal-viżitaturi u xogħolijiet ta' restawr fil-katakombi ta' San Pawl li jinsabu fir-Rabat.
Huwa kien għamel din it-talba biex jieqaf dan il-proċess sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar allegat theddid li sar fil-konfront ta' Amġlu Xuereb u tal-familjari tiegħu. F'digriet li tagħat il-Qorti hija qalet li l-investigtazzjoni tal-Pulizija dwar l-allegat theddid bl-sms lil Anġlu Xuereb u l-familjari tiegħu hija għal kollox irilevanti għal dan il-każ.
Il-Qorti tagħat kunsiderazzjoni għall-fatt li wara li semgħet ix-xhieda tal-Avukat Franco Agius, bħala rappreżentant tad-Diretturi tal-Kuntratti, li mhuwa se jsir xejn minn dak mitlub minn Anġlu Farrugia, għaliex il-proċess tat-tender in kwistjoni kien kanċellat għal finijiet u effetti kollha tal-liġi.
Ingħad ukoll li l-kumpanija ta' Anġlu Xuereb, li f'isem il-kumpanija AX Construction Ltd, ma' ħaddieħor fl-isem ta' "FortRes Joint Venture, u li kienu dawk li kien għad fadal f'dak il-proċess, ħallew it-terminu tal-20 ta' Marzu li għadda jagħlaq, mingħajr ma daħħlu oġġezzjoni uffiċjali.
Anġlu Xuereb kien talab biex il-proċeduri jitwaqqfu sakemm ikunu konklużi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq allegat theddid fil-konfront tiegħu u ta' ibnu permezz tal-SMS's. Dawn il-messaġġi jirreferu għal qtil tar-raġel ta' bintu fl-Ewwel tas-Sena fejn fost it-twissijiet lil Anġlu Xuereb kien hemm kliem bħal, "jekk taħsbu li se tħallsu dwar l-investigazzjoni, dwar il-qtil doppju li kien seħħ, tisgħu tinsewha.”
Kien hemm messaġġi li talbu lil Anġlu Xuereb biex jillikwida l-kumpaniji ta' kostruzzjoni li għandu u jinsa kollox dwar dan is-settur. Anġlu Xuereb kien għamel talba għal ħruġ ta' mandatt ta' inibizzjoni kontra l-Bord Pubbliku dwar ir-Reviżjoni tal-Kuntratti, id-Direttur tal-Kuntratti, ċ-Ċerman ta' Heritage Malta u l-Ministri tat-Turiżmu u Finanzi.
Il-kumpanija qalet li hija ssottomettiet l-orħos offerta għal xogħol fir-Rabat, fejn kien hemm biss kumpanija oħra li qed tikkompeti magħha, Vassallo Builders Ltd.
Xuereb qal li fid-9 ta' Marzu li għadda, kien irċieva t-tieni ittra mingħand id-Direttur tal-Kuntratti fejn il-konsorzjum kien infurmat li t-tender kien skwalifikat minħabba raġunijiet tekniċi. Huwa kien għat-tieni darba ngħata l-opportunita' li jappella iżda ddeċieda li ma jappellax.
|