Gabriel ELLUL
24 ta' Ġunju, 2012
10:53 CET |
'Il fuq minn 50,000 delegat internazzjonali, inkluż ir-rappreżentanti ta' 193 pajjiż differenti, f'dawn l-aħħar jiem inġabru fil-belt Brażiljana ta' Rio de Janeiro fejn ġew diskussi l-problemi ambjentali li qed jolqtu lid-dinja bħalissa, bħala parti mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostennibli, magħrufa wkoll bħala Rio 20+ Summit – summit li ġie deskritt minn bosta bħala wieħed ġeneralment pożittiv.
Filfatt, fost il-kisbiet milħuqa f'dan is-summit kien hemm qbil li l-iżvilupp sostennibli jista' jintlaħaq biss jekk il-pajjiżi jaddottaw ekonomija iktar ambjentali. Dan minbarra li l-mexxejja affermaw li hemm bżonn ta' azzjoni urġenti u kollettiva biex dawn il-miri ambjentali jintlaħqu. Ġew reġistrati wkoll numru ta' impenji dinji, fosthom il-proviżjoni ta' ilma nadif lil popli kollha tad-dinja, filwaqt li kien hemm qbil li hemm bżonn tisħiħ ta' diversi strutturi legali f'dan il-qasam.
Fost ir-rappreżentanti li attendew dan is-summit kien hemm ukoll id-delegazzjoni Maltija, immexxija mill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura Mario de Marco. Fi kliemu, de Marco saħaq fuq l-irwol importanti li Malta kellha fit-tfassil ta' kuxjenza ambjentali madwar id-dinja kollha. Hu semma' kif kien proprju pajjiżna li ppropona l-Liġi Ġdida tal-Bahar, kif maħsubha minn Arvid Pardo. Dan flimkien mal-fatt li Malta kienet l-ewwel pajjiż li saħqet fuq l-urġenza tal-problema tal-klima globali, fost oħrajn.
Fl-aħħar mill-aħħar, tenna l-Ministru, is-summit kien wieħed b'riżultat imħallat, iżda li juri rieda mill-gvernijiet tad-dinja biex din il-problema tkun indirizzata b'mod kollettiv. Dawn l-ambizzjonijiet ambjentali għandhom isarrfu ta' ġid għal pajjiżna, għar-reġjun tal-Mediterran u fl-aħħar mill-aħħar, għal ġid tad-dinja kollha, temm jgħid il-Ministru.
|