18 ta' Settembru, 2012
19:22 CET |
Filmat li feġġ juri li Libjani qed jippruvaw isalvaw l-Ambaxxatur Amerikan Christopher Stevens mitluf minn sensih minn kamra mimlija duħħan fil-Konsolat Amerikan wara l-attakk tal-ġimgħa li għaddiet kontra l-Konsolat Amerikan f’Bengażi. Il-filmat, li tpoġġa fuq l-internet, jikkonferma rapporti li jindikaw li d-diplomatiku Amerikan miet fgat mid-duħħan wara nirien li żviluppaw fil-bini.
Il-filmat jitfa’ dawl ukoll fuq iċ-ċirkustanzi tal-mewt tal-Ambaxxatur fejn nies li daħlu fil-bini diplomatiku Amerikanj ippruvaw isalvaw lil Stevens wara li sabuħ waħdu mixħut mal-art b’ebda sigurtà madwaru. In-nies li daħlu fil-kamra fejn kien hemm Stevens jinstemgħu jgħidu li sabu barrani mixħut mal-art u biex jingħata l-għajnuna minn tabib. Jinstema’ xi ħadd jgħajjat għal karozza.
Stevens u tliet impjegati oħra tal-Ambaxxata mietu meta rġiel armati attakkaw l-Ambaxxata u dar li suppsot kienet sigrieta u tintuża f’emerġenzi. L-attakk sar b’reazzjoni għall-filmat li tpoġġa fuq l-internet li jinsulenta l-Profeta Mohammad.
Uffiċjali Amerikani qalu li fil-kaos tal-attakk, is-sigurtà li kellu Stevens tbiegħdu minnu.
Xi uffiċjali Libjani qalu li l-attakk twettaq minn militanti Islamiċi b’rabtiet mal-al-Qaeda.
Tabib li kien xogħol dakinhar fiċ-Ċentru Mediku ta’ Bengażi qal li nies lokali wasslu l-Ambaxxatur għall-ħabta tas-1 a.m. u t-tabib dam madwar 45 minuta jipprova jsalvah minħabba d-duħħan li bela’. Meta miet, il-katavru ngħata fil-kustodja Amerikana.
Fahd Al-Bakoush, Libjan li ġibed il-filmat, qal li l-Ambaxxatur kien qed iċaqlaq xufftejh u għajnejh u kien kollu iswed bin-nugrufun. Hu żied li n-nies daħlu fil-bini wara li diversi għassiesa Libjani mal-bini rrifjutaw li jħallu d-dimostranti jidħlu u jniżżlu l-bandiera. Hu qal li l-vjolenza bdiet wara li kienu sparati tiri mill-bini biex iġerxu l-folla imma din aktar ifferoċjat u mbagħad kien hemm min fetaħin-nar lejn il-bini.
Bakoush qal li kien biss l-għada li sar jaf li dik il-persuna li sabu kien l-Ambaxxatur Amerikan u kien sorpriż kif dan tħalla waħdu.
|