Gabriel ELLUL
9 ta' Mejju, 2012
18:29 CET |
Il-gvern u l-kumpanija GO ffirmaw ftehim fejn il-Gvern akkwista' lura l-art tal-istess kumpanija fil-Qawra. Din l-art kienet fiċ-ċentru ta' kontroversja sħiħa li kienet segwiet il-privatizzazjoni tal-kumpanija Maltacom fl-2006. Il-ftehim ta' skambju ta' proprjeta' ġie ffirmat illum wara nofsinhar hekk kif kien qed jistenna l-approvazzjoni tal-Parlament, approvazzjoni li rċieva il-vot tad-deputati parlamentari nhar it-Tlieta filgħaxija.
Iċ-ċerimonja tal-iffirmar saret fil-preżenza tal-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech, iċ-Chairman tal-kumpanija GO Deepak Padmanabhan, u l-Kap Eżekuttiv David Kay, fost oħrajn. Permezz ta' dan il-ftehim, li jammonta għal 13.8 miljun ewro, il-kumpanija GO kisbet ħdax-il proprjeta' mifrux madwar Malta. Din il-proprjeta' ġdida tinsab f'diversi lokalitajiet fosthom f'Birkirkara, f' ħaż-Żebbuħ, fil-Mosta, fin-Naxxar, f' Tas-Sliema, fir-Rabat, fiż-Żurrieq, f' Wied il-Għajn, fiż-Żejtun u tnejn f' San Pawl il-Baħar. Dawn il-postijiet se jibdew jintużaw biex jgħinu fl-operat tal-kumpanija GO kif ħie deċiż fil-laqgħa ġenerali annwali li l-kumpanija kellha proprju l-Erbgħa filgħhodu. Filfatt, matul din il-laqgħa ix-shareholders preżenti approvaw dan l-iffirmar permezz ta' vot.
L-art li kiseb lura l-Gvern fil-Qawra ilha proprjeta' tal-kumpanija GO sa minn qabel il-proċess ta' privatizzazjoni li kien iffinaliżżat fl-2006. F'din is-sena art fil-Qawra li tinsab fil-limiti ta' San Pawl il-Baħar, kienet il-proprjeta' tal-kumpanija Maltacom. Proprju f'din l-istess sena il-Gvern kien biegħ l-aħħar ishma tiegħu f'din il-kumpanija li kienu jammontaw għal 60 fil-mija tal-valur tal-kumpanija, liema ishma nbiegħu lil Emirates International Telecommunications (Malta) Limited. Il-proċess ta' privatizzazjoni kien sewa' iktar minn 220 miljun ewro.
Fid-diskors tiegħu l- Ministru Tonio Fenech spjega kif dan l-iskambju seta' jsir biss wara proċess ta' evalwazzjoni u ratifikazzjoni. Hu saħaq li l-iskambju ta' proprjeta' mexa' fuq kuntratt oriġinali li ma rax żieda jew tnaqqis ta' proprjeta' mill-ftehim. Hu qal li l-proċess kien wie[ed ġust g[all-partijiet kollha, kif jixhdu d-dibattiti parlamentari tal-jum ta' qabel.
Permezz ta' dan il-ftehim, l-art tal-Qawra, li issa saret proprjeta' tal-Gvern ta[t id-Dipartiment tal-Artijiet, tista' tintuża għall-skopijiet oħra u b'hekk ma tibqax fi stat ta' abbandun.
|