maltarightnow.com
30 ta' Marzu, 2012
16:24 CET |
'Hemm żieda ta' €2.3 miljun fl-allokazzjoni finanzjarja għal Ministeru għal Għawdex għas-sena 2012 meta mqabbla mas-sena 2011'. Sostniet dan il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono fkonferenza tal-aħbarijiet quddiem l-entratura tar-Residenza Sant'Anna, li takkomoda anzjani nisa Għawdxin li ma jkunx possibbli għalihom li jkomplu jgħixu waħedhom. It-taqsima Ġerjatrika toffri servizzi simili għall-anzjani rġiel f'Għawdex.
Filwaqt li spjegat kif il-gvern qiegħed ikompli jindirizza u jagħti każ il-ħtiġijiet ta' Għawdex, il-Ministru Giovanna Debono saħqet li l-kritika tal-oppożizzjoni fir-rigward ta' din l-allokazzjoni hija waħda inġusta bbażata fuq nofs veritajiet. Joseph Muscat qed jaħbi. L-allokazzjoni għal Għawdex se tkun ta' €59,268,000 li tfisser €2.3 miljun aktar mill-allokazzjoni tal-2011 u ser tassigura li l-Ministeru għal Għawdex jibqa' miexi bil-ħidma tiegħu għal ġid ta' Għawdex kif programmat mingħajr ebda tnaqqis. Giovanna Debono qalet li l-Gvern għandu viżjoni ċara għal Għawdex li hija msaħħa bi programm ta' ħidma u investiment kontinwu li minnu jibbenefikaw il-familji Għawdxin kollha. Kienu gvernijiet oħra li kienu xħaħ ma' Għawdex, tant li Gvern Laburista fost l-ewwel miżuri li daħħal kien hemm li għolla bil-goff in-nollijiet tal-Gozo Channel li ġab miegħu konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija f'Għawdex. Gvernijiet Laburisti dejjem iħarsu lejn Għawdex bħala sors ta' dħul u taxxi.
Il-Ministru tat dettalji kif f'din il-leġiżlatura l-gvern baqa' jindirizza l-isfidi partikolari għal Għawdex fil-qasam tax-xogħol u t-turiżmu u kompla jsaħħaħ il-ħidma tiegħu f'diversi setturi importanti oħra bħal ma hi l-edukazzjoni, is-saħħa u l-qasam soċjali. Hi qalet li fl-aħħar 4 snin it-talbiet għall-impjiegi ġodda f'Għawdex żdiedu kull sena. Min iħaddem f'Għawdex talab lill-ETC biex tibgħatlu ħaddiema minħabba ż-żieda fix-xogħol. Bejn l-2008 u l-2011, l-ETC kellha 2,290 vacancy f'Għawdex. Is-sena li għaddiet il-vacancies f'Għawdex kienu d-doppju ta' dawk li kienu erba' snin ilu. Matul l-istess perjodu l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ għamlet 699 placement diretti fejn sabet impjieg lil 699 ħaddiem. Il-Gvern daħħal ukoll skemi li permezz tagħhom iħallas il-paga għal sena sħiħa ta' impjegati ġodda f'Għawdex.
Il-Gvern daħħal ukoll tnaqqis sa 60% għal negozji f'Għawdex li jinvestu aktar u jimpjegaw aktar ħaddiema. 200 negozju żgħir u medju qed jinvestu aktar minn €2.1 miljuni u huwa stmat li se jieħdu aktar minn €1.3 miljun fi tnaqqis fl-income tax. Kull sid ta' negozju jiffranka sa €25,000 f'income tax.
Dwar l-anzjani l-Ministru qalet llum hemm bosta servizzi li jagħmluha possibbli li dawn ikomplu jgħixu fi djarhom fil-komunitajiet tagħhom', fosthom il-Homehelp Care Service li minnu jgawdu 844 anzjani li jgħixu f'647 dar fil-lokalitajiet Għawdxin, il-Meals on Wheels, bi kważi 5,000 ikla ġew ipprovduti lill-anzjani f'darhom tul l-2011, il-Handyman service, skema li biha ingħataw 50 servizz ta' dan it-tip, it-Telecare, li minnu qed igawdu 524 anzjani Għawdxin u l-Incontinence service, li tul l-2011 ingħata lil madwar 500 persuna, fosthom anzjani.
Giovanna Debono semmiet ukoll id-Day centre għall-anzjani li kuljum jilqa' diversi gruppi ta' anzjani minn madwar Għawdex kollu, u li tul l-2011 laħqu attendenza ta' kważi 5,000, u kif 53 persuna anzjana jattendu l-Grupp tal-U3E (Università tat-Terza Età) li jattendu attivitajiet u laqgħat organizzati bil-kollaborazzjoni tal-Kampus tal-Università f'Għawdex. Kemm ilu mwaqqaf dan il-grupp ħa wkoll diversi inizjattivi fosthom il-pubblikazzjoni ta' ktieb u t-tnedija ta' DVD.
Filwaqt li żiedet tgħid li dawn huma kollha servizzi li se jkomplu jingħataw anke tul is-sena li ġejja, Giovanna Debono fakkret li l-Gvern mhux naqqas iżda żied benefiċċju ieħor li anke l-anzjani Għawdxin ser ikunu qed jibbenefikaw minnu. Hija rreferiet għall-applikazzjonijiet li ħarġu f'dawn il-jiem li permezz tagħhom anzjani li għalqu 80 sena u għadhom jgħixu ġo djarhom ser jirċievu għotja ta' €300. 'Il-Gvern preżenti qatt ma ħeba u fejn kien hemm bżonn jieħu miżuri għal ġid tal-pajjiż ħadhom u ta spjegazzjoni għalihom. L-oppożizzjoni kienet iżżid it-taxxi u tagħmel oħrajn ġodda', temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
|