Charles MUSCAT
30 ta' Marzu, 2012
12:05 CET |
Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur John Dalli dalgħodu għamel preżentazzjoni lil Core Group tal-MEUSAC dwar l-aħħar żviluppi fuq livell Ewropew fl-oqsma tas-saħħa u tal-konsumatur.
Dwar is-saħħa, il-Kummissarju John Dalli qal li l-Kummissjoni Ewropea qed tahdem fuq strateġija ġdida ħalli n-nies ikunu b'saħħithom.
L-istrateġija hi bbażata fuq il-prevenzjoni, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, is-sigurta' tas-saħħa u saħħa sostenibbli.
John Dalli qal li l-prevenzjoni hi ċ-ċavetta tas-saħħa u għalhekk wieħed irid jiekol ikel bilanċjat, ma jpejjipx u jagħmel attivita' fiżika.
Il-Kummissarju John Dalli qal li kull sena s-sigaretti joqtlu mas-650,000 persuna u hu, bħala Kummissarju Ewropew responsabbli mis-saħħa, se jagħmel gwerra kontra t-tipjip. Hu qal li sas-sena 2015 mistenni li jkun hemm madwar miljun persuna inqas li taħdem fil-qasam tas-saħħa.
Dwar il-politika tal-konsumatur, il-Kummissarju John Dalli qal li l-istrateġija li fassal hi mibnija fuq erba' pilastri li huma s-sigurta', l-informazzjoni, id-drittijiet u l-infurzar tal-liġijiet.
John Dalli qal li l-konsumatur u n-negozjant irid jkunu sieħba fis-suq u jaħdmu flimkien u l-konsumatur irid ikun infurmat u edukat.
|