Neil CAMILLERI
8 ta' Ġunju, 2012
18:38 CET |
Pascqualino Cefai, ta' 32 sena miż-Żebbuġ Għawdex, il-bieraħ inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkuża ta' attentat ta' qtil fil-konfront ta' Joseph Portelli, ta 54 sena wkoll miż-Żebbuġ.
Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda meta Cefai ta madwar għoxrin daqqa ta' mus lil Portelli fl-awla fil-Qorti t'Għawdex. Il-vittma għadu jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-każ seħħ quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli hekk kif l-irġiel kienu nvoluti f'kawża ċivili fil-Qorti.
Skont rapporti, il-Maġistrat Demicoli ordnat lil Cefai biex joħroġ mill-awla minħabba xi rimarki offensivi li għadda iżda ftit tal-ħin wara reġa' daħal fil-Qorti u attakka lil Portelli. Allegatament hu beda jtiħ bis-sieq u bil-ponn u mbagħad bil-mus, anke wara li l-vittma ntilef minn sensieh.
Fil-ġlieda weġġa' wkoll l-Avukat Kevin Mompalao, ta' 37 sena, li ntlaqat bil-mus f'idejh waqt li pprova jferraq liż-żewġ irġiel, u lil Marixxall tal-Qorti, li sofra ġrieħi ħfief.
Cefai, li ddaħħal il-Qorti taħt skorta qawwija ta' Pulizija, wieġeb mhux ħati wkoll għall-akkuza li darab serjament lil Joseph Portelli, li pprova jikkaġuna feriti gravi u li darab b'mod ħafif lill-Avukat Mompalao, li għamel ħsara fil-Qorti, li wettaq dan ir-reat sakemm qiegħed fuq liberta` proviżorja u li sar riċediv.
Intant, il-bieraħ ġie nstallat metal detector fil-bini tal-Qorti t'Ghawdex. Dan anke wara ilmenti mill-avukati Għawdxin li ma kienx hemm biżżejjed miżuri tas-sigurta` fil-Qorti.
|