Charles MUSCAT
22 t' Ottubru, 2012
09:35 CET |
Hu kkalkulat li persuna minn kull 20 ikollha esperjenza ta' diżordni fil-personalità li tkun teħtieġ għajnuna professjonali. Fl-imgħoddi, professjonisti fil-kura tas-saħħa kienu jħarsu lejn persuna b'diżordni personali bħala kundizzjoni li wieħed ma seta jagħmel xejn dwarha, imma llum hemm ħafna xi jsir.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, Joe Cassar, qal dan waqt il-ftuħ tal-konferenza annwali tal-Fondazzjoni Richmond fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali.
Il-konferenza bit-tema Understanding and Managing Personality Disorders qed issir fuq jumejn u għaliha qed jattendu professjonisti f'diversi oqsma fosthom dawk fil-qasam tal-abbuż mis-sustanzi, tas-servizzi korrettivi, tas-saħħa - fosthom psikologi, psikjatri u terapisti - mill-qasam soċjali u professjonisti oħrajn.
Qed jattendu wkoll il-Viċi Chairperson tal-Fondazzjoni Richmond, is-Sinjura Kate Gonzi u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Dolores Gauci.
Il-Ministru Joe Cassar spjega li ħafna nies ikollhom diżordni fil-personalità li tkun ħafifa u għalhekk ikollhom bżonn l-għajnuna biss f'mumenti partikulari ta' stress bħal meta jitilfu lil xi membru tal-familja. Imma hemm ukoll nies li jkollhom problema ta' diżordni qawwija u għalhekk ikollhom bżonn għajnuna speċjalizzata għal perijodi itwal.
Joe Cassar qal li l-aħbar it-tajba hi li llum huma ħafna dawk li jirkupraw minn din il-kundizzjoni u xi drabi ikollhom bżonn kura psikoloġika jew medika u xi drabi oħra jkollhomm bżonn biss xi tip t'appoġġ.
Hu spjega li kull kura trid tkun personalizzata skont il-kundizzjoni tal-pazjent u għalhekk trid tingħata minn terapisti imħarrga u għalhekk l-importanza li l-professjonisti jibqgħu jaġġornaw irwieħhom mal-iżviluppi li jseħħu.
Fost il-kundizzjonijiet ta' diżordni fil-personalità li qed ikunu trattati hemm il-kundizzjoni tal-awtiżmu, kundizzjonijiet waqt it-tqala u wara l-ħlas kif ukoll fit-trobbija tal-familja, il-bullying fil-post tax-xogħol u kundizzjonijiet oħrajn li wieħed jiltaqa' magħhom fil-ħajja ta' kuljum. Fil-konferenza ħadu sehem diversi kelliema professjonali u saru wkoll numru ta' workshops għall-parteċipanti.
|