MaltaRightNow.com
19 ta' Mejju, 2012
10:51 CET |
Wara ġimgħa li matulha Joseph Muscat baqa' fommu sieket u ma weġibx għal sensiela ta' mistoqsijiet li għamilnielu dwar id-delegazzjoni li mexxa fil-Libja, jidher ċar li Muscat qed jaħbi.
Ġimgħa wara, il-mistoqsijiet mhux talli mhux qed jonqsu iżda jiżdiedu. Filwaqt li għadna nistennew risposta dan is-sit jistaqsi - Għaliex Muscat għadu ma weġibx? U lil min qed jaħbi?
Iż-żjara ta' Muscat fil-Libja, kienet inżammet mistura minn kulħadd u kien biss grazzi għat-taqsima tal-aħbarijiet ta' media.link communications li din iż-żjara ħarġet fil-beraħ.
Fil-ġranet li għaddew saqsejna lil Muscat min kien qed jakkumpanjah fil-Libja u kif kienu organizzati l-laqgħat hemmhekk. Ġie mistoqsi wkoll għaliex damet ma telqet it-titjira minn Malta u saqsejnieh ukoll jekk kienx qed jostor lil xi ħadd.
Iżda minkejja dan kollu Joseph Muscat għażel li ma jweġibx u ħarab mid-domandi kemm f'attivita pubblika, kif ukoll meta bgħattnihomlu bil-miktub permezz ta' email. B'rabta ma' dawn il-mistoqsijiet il-mument ta' għada se tkun qed tiżvela dettalji ġodda b'rabta ma dan il-każ, bit-tama li finalment ikun hemm tweġiba sodisfaċenti minn Joseph Muscat.
|