15 ta' Mejju, 2012
16:35 CET |
L-Universita' ta' Malta se tkun qed tingħata donazzjoni ta' €108,000 mill-Bank Ċentrali ta' Malta biex tistabbilixxi Professorat fl-Ekonomija. Dan se jsir permezz tar-Research, Innovation and Development Trust, jew RIDT, u l-fondi se jingħataw fuq perjodu ta' erba' snin, b'għotja annwali ta' 27,000 ewro.
Il-post, li se jkun magħruf bhala Professorat tal-Ekonomija tal-Bank Centrali ta' Malta, se jitwaqqaf f'Ottubru li gej fi ħdan il-Fakulta' tal-Ekonomija, Management u Accountancy, il-FEMA.
Dan tħabbar mir-Rettur tal-Universita', il-Professur Juanito Camilleri, u mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Josef Bonnici.
Il-Professur Camilleri tkellem dwar l-importanza li s-socjeta' civili u l-industrija jifhmu l-bżonn u jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-Universita' biex tħarreġ liż-żgħażagħ tal-lum.
L-RIDT twaqqaf is-sena li għaddiet fl-Universita' minn fondi tal-Gvern, bl-għan li jfittex l-opportunitajiet biex jippromwovi riċerka importanti f'għadd ta' dixxiplini. Għal dan il-għan jaħdem ukoll biex jattira fondi mis-settur privat.
|