19 ta' Ġunju, 2012
19:39 CET |
Fl-aħħar seba' snin il-gvern investa seba' miljun ewro fis-settur tas-saħħa mentali.
Investiment li inkluda l-introduzzjoni ta' servizzi ġodda tant li llum fil-pajjiż hawn 40 lokalita li toffri s-servizzi lill-persuni li jkollhom problemi ta' saħħa mentali.
Flimkien ma' dan l-investiment maġġuri, il-gvern issa nieda wkoll liġi ġdida dwar is-saħħa mentali. Liġi li permezz tagħha l-persuni li għandhom problemi mentali se jkollhom il-prijorita tagħhom imsaħħa.
Din il-liġi, li diġa kienet apprrovata mill-kabinet tal-ministri, tenfażizza wkoll l-kontabbilta professjonali waqt li d-deċiżjonijiet dwar programm ta' kura jittieħdu flimkien bejn il-pazjent u l-professjonisti.
Għalhekk il-pazjent se jkun involut direttament fit-tfassil ta' programm ta' kura li jkun se jirċievi.
Il-liġi tibdel ukoll il-kunċett ta' ħabib li jkun fdat fejn issa dan se jkun jista' jiġi magħżul mill-pazjent innifsu u mhux bilfors irid ikun membru tal-familja tal-pazjent.
Il-liġi taħseb ukoll biex il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali japprova kemm il-pazjent se jdum l-isptar b'mod involontarju għall-kura.
Is-Segretarju Parlamentari Mario Galea spjega li l-liġi se tipproteġi u tħares id-drittijiet tal-persuni li jkollhom problemi mentali u tfittex li tingranhom fis-soċjeta.
Din il-liġi ma tħarisx lejn il-marda mentali u tieqaf hemm, sostna Mario Galea li kompla li din hi liġi li tirrikonoxxi li wara l-marda mentali hemm bniedem.
L-investiment tal-gvern fis-settur tal-mard mentali jinkludi wkoll l-ftuħ ta' ħames ċentri għal matul il-jum u sitt kliniċi li fihom jattendu timijiet multi dixxiplinarji.
Twaqqaf ukoll tim ta' prevenzjoni għal kontra l-kriżijiet li jistgħu jkollhom dawn il-persuni waqt li tul is-sena li għaddiet 14,000 persuna għamlu użu mis-servizi offruti fil-komunita.
|