10 ta' Mejju, 2012
18:25 CET |
Pass ieħor fil-mixja ta’ pajjiżna biex ikompli joħloq iktar xogħol u xogħol aħjar bi dħul tajjeb.
Kien b’dan il-kliem li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi il-Ħamis filgħaxija inawgura l-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi.
Investiment ta’ 17-il miljun ewro biex jakkomoda l-espansjoni tas-settur tal-avjazzjoni. Settur ekonomiku ġdid li f’dawn l-aħħar erba’ snin kiber b’rata mgħaġġla u illum qed jimpjega iktar minn 1,000 ruħ.
L-investiment, l-inċentivi u l-istrateġija ekonomika tal-Gvern, kompla l-PM, imxew pari passu mal-investiment qawwi fl-edukazzjoni f’kull livell.
Investimenti li jinkludi tagħmir ġdid fl-iskejjel, campus tal-MCAST, investiment fl-għalliema, boroż ta’ studju u stipendji. Investiment ukoll fit-taħriġ b’kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-ETC.
L-iżvilupp f’dan is-settur, qal il-PM, hu wieħed mid-deċiżjonijiet strateġiċi li ha l-Gvern li ma kompliex jissussidja industriji tal-bieraħ iżda investa f’industriji tal-futur.
Fosthom il-bioteknoloġija bil-bini ta’ kampus ġdid ta’ 30 miljun ewro.
Setturi oħra li kibru b’rata mgħaġġla huma tas-servizzi finanzjarji li jimpjegaw 12,000 persuna, ir-remote gaming li jħadmu 5,000 oħra, il-logħob diġitali u kreattivita’ fejn Malta irnexxielha tattira wieħed fost l-aqwa ismijiet f’dan is-settur.
Is-settur tal-Manifattura, kompla l-PM, kien trasformat minn wieħed li jiddependi kważi għal kollox fuq it-tessuti, għal wieħed ta’ valur għoli miżjud fosthom ta’ prodotti mediċi, inġinerija u elettronika.
L-iżvilupp f’dawn is-setturi kien possibbli grazzi għal investiment qawwi fl-infrastruttura tal-komunikazzjoni u l-ICT.
Il-PM temm li l-bażi ekonomika hi b’saħħitha għaliex ittieħdu deċiżjonijiet b’responsabbilta’ bil-għaqal u li jħarsu fit-tul, bil-għan aħħari jibqa’ dejjem wieħed: Ekonomija b’saħħitha li toħloq ix-xogħol u l-ġid li jwassal għal ħajja xierqa għall-familji Maltin.
Il-Ministru tal-Finanzi l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech qal li fattur ieħor importanti biex kien attirat l-investiment lejn Malta hu l-istabilita’ fejn minkejja s-sfidi l-kbar li d-dinja ta’ madwarna iffaċċjat fl-aħħar snin, l-ekonomija Maltija uriet is-saħħa tagħha, fattur li kien rikonoxxut mill-Fond Monetarju Internazzjonali
Il-ħila u r-rieda li nittrasformaw lilna nfusna u nfittxu oqsma ġodda hu ingredjent importanti għas-suċċess ekonomiku, kompla Tonio Fenech.
Is-settur tal-avjazzjoni, kiber b’10 darbiet f’temp ta’ ftit snin, minn 100 persuna fl-2002 għal iktar minn 1,000 persuna illum.
|