19 ta' Ġunju, 2012
18:27 CET |
Il-kumpanija Maltija Hawk Aerospace ibbenefikat minn għotja ta’ xejn inqas minn €160,000 mill-Malta Enterprise sabiex min-naħa tagħha tkun tista tipparteċipa fil-programmi Eureka u Eurostars.
Dan qalu l-Ministru tal-kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, Jason Azzopardi waqt iż-żjara tiegħu fl-uffiċini ta' din il-kumpanija f'Birkirkara.
Id-direttur tal-kumpanija, Roger Archer, qal li sa mit-twaqqif tagħha fl-2004 Hawk Aerospace uriet ir-rieda li tagħmel il-parti tagħha sabiex tinvesti f’industrija innovattiva u li dejjem qed tespandi - dik tal-avjazzjoni. Mill-2004 sal-lum l-impjegati fil-kumpanija żdiedu minn 2 għal 5. Il-kumpanija ddiversifkat ukoll il-linja tagħha u fl-2008 għaddiet sabiex tispeċjalizza fuq il-bini tat-teknologija. Il-Ministru Jason Azzopardi qal li Hawk Aerospace hija waħda mill-ftit kumpaniji li bbenefikaw minn assistenza simili mill-Malta Enterprise, liema assistenza tinkoraġġixxi proġetti ta’ riċerka u żvilupp bejn kumpaniji li joriġinaw minn pajjiżi differenti iżda li jiffurmaw parti mill-Eureka network.
Hu qal wkoll li huwa pozittiv il-fatt li l-kumpanija kompliet tikber u sabet niċċa għaliha, wara investimenti u sagrifċċji kbar. Hu qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir li tisma’ li Hawk Aerospace ikollha talbiet saħansitra mill-Far East u anke bħal dik tal-bieraħ stess, mill-Venezuela.
Jason Azzopardi temm id-diskors tieghu billi qal li l-kumpaniji żgħar li huma madwar 63,000 u li jimpjegaw inqas minn 10 impjegati huma s-sinsla tal-ekonomijia Maltija u li kumpanija bħal Hawk Aeropace tikkreja sens kbir ta’ ottimiżmu bħalma jafu jiġġeneraw biss kumpaniji simili żgħar b’ambizzjonijiet kbar.
|