29 t' April, 2012
14:40 CET |
Ġimgħa mimlija attivitajiet bħala parti minn simpożju tan-nar li laqqa` gruppi tal-piroteknika minn Malta ma' oħrajn minn madwar id-dinja, wassal għall-ftuħ tal-Festival Internazzjonali tal-logħob tan-Nar li għandu għaddej sat-Tlieta.
Dan wara li s-simpożju li ttellgħa fil-Furjana, l-Imdina, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u fil-Port il-Kbir, intemm is-Sibt filgħaxija fl-Għarb, Għawdex b'logħob tan-nar tal-art u tal-ajru minn żewġ kmamar tan-nar tal-istess lokalita.
Din is-sena, il-kompetizzjoni tal-Malta International Fireworks Festival li bħas-soltu qed issir fil-Port il-Kbir, hi mifruxa fuq tlett ijiem, mill-Ħadd sat-Tlieta.
F'dan il-festival qed jikkompetu kamra waħda tan-nar Maltija – ta' San Mikiel ta' Ħal Lija kif ukoll ħames kmamar tan-nar barranin; mill-Kanada, mir-Renju Unit, mill-Awstrija, mill-Kroazja u mill-Polonja. Ir-rebbieħ ikun magħruf fis-serata tat-Tlieta.
Il-festival li hu organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu, jiġi fi tmiemu bi spettaklu ta' nar ieħor mill-Italja.
Ritratt: Alex DEGABRIELE
|