Jerome CARUANA CILIA
2 ta' Ġunju, 2012
15:25 CET |
Il-PN kompla bl-eżerċizzju tiegħu li jkun eqreb tas-soċjeta' ċivili u jisma' dak li għandhom x'jgħidu. Is-Sibt filgħodu, l-Prim Ministru u l-Kap tal-PN kellu laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Fiżjoterapisti, liema laqgħa saret fl-uffiċini tal-AŻAD fil-Belt Valletta.
Fil-bidu tal-laqgħa, l-Prim Ministru qal li l-professjoni tal-fiżjoterapija f'Malta kibret u qed tiġi rikonoxxuta ħafna aktar minn qatt qabel. Hu qal li l-fiżjoterapisti għandhom irwol importanti biex il-qasam tas-saħħa ikun aktar sostenibbli.
Il-Prim Ministru spjega kif il-fizjoterapisti llum għandhom l-opportunita' li jimirħu permezz ta' speċjalizzazjonijiet varji u l-gvern hu kommess li jgħin l-esperti fil-ħidma tagħhom.
Il-fizjotrerapisti jħossu li huma m'għandhomx l-opportunita' li jagħtu il-massimu tagħhom. Fil-fatt qalu li qegħdin jagħtu madwar 70% biss ta' kemm jistgħu joffru lis-settur tas-saħħa f'pajjiżna. Huma lesti li jaħdmu mal-gvern biex b'hekk jikkontribwixxu wkoll fil-qasam socjo-ekonomiku tal-pajjiż.
Intant, il-Prim Ministru faħħar il-ħidma tal-assoċjazzjoni u qal li x-xewqa tiegħu hi li jara li l-professjoni tal-fiżjoterapija tkompli tavvanza. Hu enfasizza l-importanza li tkompli ssir ħidma biex jiġi żviluppat materjal aktar ġdid u modern biex il-pazjent igawdi mill-aħjar terapija possibbli.
Għal din il-laqgħa attenda wkoll rappreżentant ta' Simon Busuttil, li kien impenjat b'laqgħat oħrajn.
|