Jerome CARUANA CILIA
8 ta' Ġunju, 2012
20:26 CET |
Komplew il-laqgħat 'Kuntatt' tal-Partit Nazzjonalista - laqgħat li qegħdin jitmexxew mill-ewroparlamentari nazzjonalista Simon Busuttil biex il-PN jiltaqa' mar-rapprezentanti tas-soċjeta` Ċivili.
Fil-laqgħa tal-lum il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi ltaqa mal-membri tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriza fil-kwartieri taghħa fil-belt.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriza, Tancred Tabone qal li jinsab fiduċjuż li se jittieħdu l-passi meħtieġa. Hu sostna li l-Prim Ministru ta widen għal dak li jeħtieġu n-negozjanti f'pajjizna u prova jwieġeb mill-aħjar possibbli.
Il-Viċi-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriza, Stefano Mallia qal li l-iktar punt importanti hu l-komunikazzjoni bejn il-partijiet kollha konċernati. Dan b'mod speċjali fi żmien ta' kriżi internazzjonali fejn hafna persuni u negozjanti qed jistaqsu x'se jigri min-negożju u x'miżuri se jittieħdu favur il-ħaddiema u l-familji.
Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm l-enerġija u l-effiċjenza li se jwasslu għal aktar investiment u produttivita'.
Saret referenza wkoll għar-riżultati tal-ewwel kwart tas-sena li ma kenitx waħda pożittiva. Il-Prim Ministru qal li dan ir-riżultat kien minħabba nuqqas fl-esportazzjoni tal-ST Micro Electronics li tirrapprezenta mal-50% tal-esportazzjoni ta' pajjiżna. Barraminhekk hemm ukoll iż-żieda fil-prezz taż-żejt li ġie assorbit mill-Enemalta u ma ntefax fuq il-familji Maltin.
Ritratt: Trevor Sollars
|