13 t' April, 2012
14:56 CET |
Il-Labour irid isaħħaħ ir-relazzjonijiet tajbin li għandu mal-Korea Komunista, jerga' jirrijafferma s-simpatiji tiegħu għall-aħbar tal-mewt tad-dittatur komunista Kim Jong Il u jiddefendi d-dritt tal-Korea ta' Fuq li tispara dik li Pyongyang kien qed jgħid li kienet satellita fl-ispazju.
Dan kollu ħareġ waqt laqgħa, li nżammet sigrieta, li l-Mexxej Laburista Joseph Muscat kellu mal-Ambaxxatur tal-Korea ta' Fuq għal Malta Han Tae Song. Laqgħa li matulha l-Kap tal-Oppozizzjoni Laburista wiegħed li l-Partit tiegħu se jaħdem biex ikabbar, jespandi u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tajbin li diġa' jeżistu bejn il-Partit Laburista u l-Partit Kommunista mmexxi mill-President il-ġdid Kim Jong Un.
Dan fl-istess jiem meta l-Korea ta' Fuq ġiet ikkundannata mill-komunita' internazzjonali fuq it-testijiet missilistiċi tagħha.
Il-laqgħa bejn Muscat u l-Ambaxxatur Korean, minkejja li saret iktar minn ġimgħa ilu, ma ġiet irrapurtata fuq l-ebda media, lanqas dik tal-Partit Laburista, u dwarha l-Partit Laburista ma ħareġ ebda stqarrija. Kienet l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Korea ta' Fuq il-KCNA, li żvelat li saret, u żvelat ukoll dak li ħareġ minnha.
Din l-aġenzija, irrapurtat li l-laqgħa saret f'Malta fit-3 ta' April li għadda. Jidher li saret waqt żjara f'Malta mill-Ambaxxatur Korean li hu residenti f'Ruma, qabel ma dan itemm l-inkarigu tiegħu.
Matulha, Joseph Muscat qal ukoll lill-Ambaxxatur Korean li l-pajjiżu kellu kull dritt jispara rocket għax kull pajjiż sovran għandu d-dritt li jtella' satellita fl-ispazju.
Dan minkejja li l-komunita' internazzjonali esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha li din il-missila ma kienet satellita xejn – imma kienet parti mill-programm nukleari tal-pajjiż Komunista li fl-aħħar snin kompla jimmilitarizza u jaħli l-flus fuq l-armi meta eluf ta' Koreani qed imutu bil-guħ. Tant hu hekk li l-missila, li fuqha nefaq aktar minn 850 miljun dollaru, l-Ġimgħa filgħodu splodiet u waqgħet fil-baħar ftit sekondi wara li ġiet sparata.
Joseph Muscat, iżda, jrid ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni tal-Partit tiegħu ma' dan il-pajjiż - relazzjoni li tmur lura għall-bidu tagħha f'Diċembru tal-1971 – sitt xhur biss wara li Dom Mintoff sar Prim Ministru għall-ewwel darba. Tul is-snin, taħt Gvern Laburista, dawn ir-relazzjonijiet komplew jersqu aktar qrib – tant li fl-1982, taħt it-tmexxija ta' Dom Mintoff pajjiżna ffirma trattat sigriet li permezz tiegħu, l-Gvern Komunista kien intrabat li jforni munizzjon u armi lil pajjiżna.
Dak it-Trattat kien inżamm sigriet – kif jidher li reġgħet inħbiet mill-poplu Malti u Għawdxi, għal xi raġuni, il-laqgħa li Joseph Muscat kellu għaxart ijiem ilu mal-Ambaxxatur Korean.
Il-moħħ wara dak it-trattat sigriet bejn il-Gvern Laburista u l-Korea ta' Fuq kien Alex Sciberras Trigona – li llum jokkupa l-kariga ta' Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista - u li għandu l-appoġġ sħiħ ta' Joseph Muscat tant li fil-Konferenza Generali ta' din is-sena, reġa' ġie kkonfermat f'din il-kariga.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Koreana, intant, irrapurtat ukoll li fil-laqgħa mal-Ambaxxatur, Joseph Muscat rega' wassal il-kondoljanzi tal-Partit Laburista għall-mewt tal-eks dittatur Komunista Kim Jong Il.
Is-sit Korean jirraporta wkoll li Joseph Muscat qal li jinsab konvint li l-poplu Korean bit-tmexxija l-ġdida tiegħu, se jiċċelebra bl-aħjar mod il-mitt sena mit-twelid tal-eks President Kim Il Sung li miegħu l-Partit Laburista iffirmat t-Trattat sigriet ta' Sciberras Trigona. Illum il-pajjiż hu mmexxi minn neputih.
Il-Korea ta' Fuq qed tiċċelebra dan l-anniversarju propju bl-isparatura ta' missila li ġabet il-kundanna tal-komunita' internazzjonali.
|