29 ta' Marzu, 2012
16:35 CET |
Il-Parlament Ewropew approva b'vot qawwi ħafna rapport imħejji mill-MEP Malti David Casa fuq is-sistema tad-dazji tas-sisa fuq livell Ewropew.
Ir-rapport kien adottat mill-Parlament wara li ġie approvat b'584 membru parlamentari Ewropej jivvutaw favur, 39 vot kontra, u 32 astensjoni.
Ir-rapport jittratta reviżjoni tal-regoli tal-2004 li kienu stabbilew qafas legali għall-koperazzjoni amministrattiva fid-dazji tas-sisa.
David Casa qal li meta din is-sistema tkun implimentata se tkun qed tnaqqas il-każi ta' frodi u se tkun qed tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Dan minħabba li se jitnaqqas parzjalment il-bżonn li tibqa' tinġabar ċerta informazzjoni manwali.
Ir-rapport ta' David Casa jġib ukoll il-proposti tal-Kummissjoni f'linja mar-rakkomodazzjonijiet fil-kuntest tal-protezzjoni tal-informazzjoni.
Jassigura wkoll li l-qafas legali introdott ikun jaqbel mal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Ir-regoli riveduti se jkunu qed inaqqsu wkoll il-piżijiet fuq in-negozji. David Casa esprima sodisfazzjon li dan ir-rapport kien approvat u qal li dan il-vot juri li hemm qbil bejn il-partiti fil-Parlament Ewropew dwar l-importanza li tkompli titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa.
Il-proposti ta' David Casa se jkunu qed jassiguraw ukoll li l-bdil ta' informazzjoni bjen pajjiżi membri issir b'mod iktar effiċjenti.
|