26 ta' Mejju, 2012
11:41 CET |
Il-ħaddiema Maltin iħallsu anqas taxxi mill-medja tal-Ewropej. Fil-fatt, Malta għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta' income tax mis-27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata massima tat-taxxa fuq id-dħul f'pajjiżna hi ta' 35 fil-mija. Meta r-rata medja fl-Unjoni Ewropea hi ta' 38 fil-mija.
L-ogħla rati jħallsuhom l-Iżvediżi bi kważi 57 fil-mija, d-Daniżi b'55 fil-mija, u l-Belġjani bi kważi 54 fil-mija. B'Malta għandha l-10 l-inqas rata mill-Unjoni Ewropea kollha.
Dan joħroġ minn ċifri pubblikati din il-ġimgħa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, il-Eurostat, dwar ir-rati ta' taxxi u VAT li jħallsu l-Ewropej.
Mill-istatistika dwar ix-xejriet tat-tassazzjoni fuq livell Ewropew, joħroġ li l-Maltin għandhom ukoll fost l-anqas rati ta' VAT fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata tal-VAT f'pajjiżna, li hi ta' 18 fil-mija, hi t-tielet l-anqas fl-Unjoni Ewropea, wara l-Lussemburgu u Ċipru.
Il-bqija tal-Ewropej, jħallsu rati ta' VAT ħafna aktar minna l-Maltin. L-aktar li jħallsu VAT huma l-Ungeriżi b'27 fil-mija, warajhom l-Iżvediżi, d-Daniżi u r-Rumeni.
Ir-rata tal-VAT f'bosta pajjiżi żdiedet bejn is-sena li għaddiet u din is-sena, iżda f'pajjiżna baqgħet l-istess, tmintax fil-mija, li huwa tliet punti perċentwali anqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
|