29 t' April, 2012
17:48 CET |
Il-Maltin huma fost l-iktar popli sodisfatti b'ħajjithom. It-tieni fl-UE u s-seba' fid-dinja. Dan joħroġ mill-World Happiness Report ta' din is-sena, ippubblikat fil-bidu ta' dan ix-xahar, li sar fost 129 pajjiż.
Qabel Malta hemm biss Puerto Rico, id-Danimarka, il-Kolumbja, il-Messiku, l-Iżlanda u n-Norveġja, bi tliet pajjiżi oħra Ewropej jikklassifikaw eżatt wara Malta - l-Isvizzera, l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda. Puerto Rico, f'ras il-klassifika, bi 8.5 punti minn massimu ta' għaxra filwaqt li Malta kisbet 8. L-uniku pajjiż ieħor membru tal-UE li għadda lil Malta kienet id-Danimarka b'0.1 ta' punt iktar minn pajjiżna.
Ir-rapport, ikkummissjonat mill-United Nations Conference on Happiness u maħdum minn numru ta' entitajiet internazzjonali, iqis numru ta' fatturi biex jasal għall-punteġġ finali, fosthom ix-xogħol li jkollu dak li jkun u l-qagħda ġenerali tax-xogħol fil-pajjiż, fosthom ukoll dwar is-sigurta' jew le tal-impjieg fil-pajjiż u r-rata ta' qgħad. Fatturi oħra huma l-benesseri tal-bniedem, il-livell ta' korruzzjoni fil-pajjiż, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, ir-reliġjon u l-familja, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent.
Ir-rapport jgħid li l-mira tal-gvernijiet għandhom ikunu numru ta' punti fosthom livell għoli ta' nies jaħdmu, xogħol ta' kwalita' għolja, komunita' b'saħħitha b'livell għoli ta' fiduċja u rispett li gvern jista' jinfluwenza b'politika inklussiva u parteċipattiva, titjib fis-saħħa fiżika u mentali, appoġġ għall-ħajja tal-familja u edukazzjoni diċenti għal kulħadd. Kriterji li Malta rreġistrat tajjeb fihom, l-iktar il-qasam tax-xogħol, biex kisbet ir-riżultat li għandha.
Ir-rapport jitkellem ukoll dwar il-qgħad u jgħid li dan iħalli effett agħar fuq is-soċjeta' b'mod ġenerali milli fuq il-persuna qegħda, għaliex joħloq instabilita', bis-sigurta' fl-impjieg tkun fattur importanti li ġie kkunsidrat. Stħarriġ simili li sar lejn tmiem is-sena li għaddiet mill-Eurobarometer kien sab li 90 fil-mija tal-Maltin ma kinux inkwetati li jitilfu x-xogħol. 8% iktar mill-medja Ewropea.
Malta hi l-ħames pajjiż bl-inqas rata ta' qgħad fl-UE u bħalissa f'pajjiżna hawn l-ogħla ċifra ta' nies jaħdmu full-time f'kull żmien, b'150 elf ħaddiem.
|